Grech jistaqsi jekk il-PM kienx preżenti għal laqgħa dwar żvilupp kbir f'Ta' Sannat approvat illum

Bernard Grech jgħid li mhux se jagħti aktar dettalji u jistieden lill-midja indipendenti biex tikxef 'il-qerq' ta' Robert Abela

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech staqsa jekk il-Prim Ministru Robert Abela kienx preżenti għal xi laqgħa biex issir pressjoni u jkun approvat l-iżvilupp massiċċ f’Ta’ Sannat u li dwaru ħareġ il-permess illum. Kważi kważi, Grech, implika li l-Prim Ministru kellu xi sehem fl-għoti ta’ dan il-permess jew, b'xi mod, influwenza d-deċiżjoni.

Huwa qal dan waqt li kien qiegħed jitkellem waqt attività politika f’Ħal Tarxien meta għamel referenza għall-proġett ta’ bini ta’ 125 appartament, 300 metru ‘l biss minn tard l-irdum f’Ta’ Sannat. Il-proġett kien propost minn Joseph Portelli.

Waqt l-attività, Grech qal li l-Prim Ministru, waqt id-dibattitu tal-Università, akkuża lill-PN bil-bidla tal-pjani lokali fl-2006.

“Int fejn kont? Ma nagħmlux mod li kont qed tieħu d-direct orders fl-istess industrija tal-kostruzzjoni? Dakinhar ma tkellimtx,” qal Grech lill-Prim Ministru.

Kien hawn li saħaq li l-PN verament jemmen mill-iżbalji tiegħu, imma staqsa jekk hux l-istess għall-Prim Ministru.

Hawn għamel referenza għall-proġett f’Ta’ Sannat, liema proġett se jkun qed jieħu art verġni.

Insista li r-rakkomandazzjoni kienet biex dan il-proġett ma jkunx approvat u kien hawn li staqsa jekk Abela kienx preżenti għal xi laqgħa dwar dan l-iżvilupp.

“Għalissa se nieqaf hawn,” qal Grech waqt li saħaq li jittama li l-midja indipendenti tkompli tinvestiga biex, fi kliemu, joħroq “il-qerq” ta’ Robert Abela.

“Int ħaġa waħda fil-qerda ambjentali tal-pajjiż,” kompla jgħid Grech lill-Prim Ministru.

Kien hawn li saħaq li Abela ma jistax ikun afdat li wara l-elezzjoni ma jerġax ikompli l-proġett tal-marina f’Wied il-Għajn jew inkella li ma jerġax jagħti l-art taż-Żonqor għall-iżvilupp.

“Ma tistax tafdah. Il-lupu jbiddel is-suf imma jibqa’ l-istess. Għalhekk trid tagħżel lil min huwa kredibbli. Umilment indur fuqek, int li tħossok ittradut, u nitolbok tafdani bil-vot tiegħek jekk int trid politika serja u matura. Magħna int tista’ sserraħ rasek li mhux se jaħtfulek art pubblika, li l-baħar se jibqa’ tiegħek u li l-ambjent se jkun prijorità,” insista Bernard Grech.

 'Meta jgħidu li t-trackless tram hija bħall-bendy buses, juru li ma jafux x'qed jgħidu' 

Intant, Grech tkellem ukoll dwar il-wiegħda ta’ trackless tram li l-Partit Nazzjonalista ppreżenta dalgħodu.

Filwaqt li daħal fid-dettalji kollha li ppreżenta dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġed għall-kritika ta’ esponenti tal-PL li qed iqabblu dan it-tram mal-bendy-buses.

“Hemm tinduna kemm ma jafux x’inhuma l-avvanzi kbar teknoloġiċi li seħħew fl-aħħar ħames snin,” insista Grech.

Fakkar li ħames snin ilu, anke l-PN kien ippropona sistema ta’ metro u qal li dak iż-żmien kienet tajba imma saħaq li minn dak iż-żmien, kien hemm avvanzi teknoloġiċi.

“Ħarġu dan il-pjan, u ħafna powerpoints u nefqu l-miljuni biex 20 sena oħra jagħtuna soluzzjoni għal problemi li għandna llum. 20 sena oħra se jkolllna problemi ħafna akbar,” insista Grech.

Fakkar li l-proġett propost mill-Gvern jiswa aktar minn €6 biljun u fi kliem il-Kap Nazzjonalista dan ikun piż kbir fuq il-pajjiż, apparti l-impatt ambjentali minħabba t-terrapin iġġenerat.

“Robert Abela ma għandu l-ebda viżjonii u pjan. Irid biss ikompli jdejjen lill-pajjiż,” saħaq Grech.

Tenna l-wiegħda, li l-PN jimplimenta dan is-servizz “effiċjenti u li jasal fil-ħin” f’temp ta’ ħames snin u li se jkun qed jagħmel użu wkoll mit-toroq li bena Gvern Laburista fl-aħħar snin.

Saħaq li l-pjan tal-PN huwa costed, jinkorpora x-xogħlijiet li saru u huwa bbażat fuq dak li qed jgħidu l-esperti tat-toroq.

 “Serrħu raskom għandna pjan. Se taħdem madwar Malta u Għawdex żgur aktar mis-sistema tal-metro. Tagħhom lanqas tkopri nofs iż-żona li se tkopri tagħna,” temm jgħid Grech. “Anke hawn se npoġġu lilek fiċ-ċentru tal-politika tagħna u noffru sistema li takkomoda lilek biex tagħtik kwalità ta’ ħajja aħjar.”

More in Politika