€2.8 biljun, issir f'ħames snin u tilħaq 48 lokalità; Grech jispjega l-proposta tat-trackless tram

Il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-pajjiż ma jaffordjax is-sistema tal-metro li qed jipproponi l-Partit Laburista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, ta wħud mid-dettalji dwar l-introduzzjoni ta’ trackless tram f’Malta, waħda mill-wiegħdi ewlenin li qed jagħmel il-PN biex inaqqas l-użu tal-karozzi mit-toroq.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Nazzjonalista spjega kif din is-sistema se tkun qed issir b’investiment ta’ €2.8 biljun, filwaqt li s-sistema tal-metro li qed jipproponi l-Partit Laburista se tiswa lill-pajjiż €6.3 biljun. 

Dan ifisser, kompla l-Kap Nazzjonalista, li t-trackless tram tiswa’ €6,500 għal kull metru, filwaqt li s-sistema tal-metro se tiswa €175,000 kull metru.

Apparti minn hekk, Grech intrabat li s-sistema tat-trackless tram tkun lesta u taħdem sa ħames snin oħra, filwaqt li fakkar li l-proposta tal-metro se tkun lesta fis-sena 2047.

Saħaq ukoll kif is-sistema li qed jipproponi l-PN tilħaq xejn inqas minn 48 lokalità u tkopri 173 kilometru, filwaqt li dik tal-metro se tilħqa biss 21 lokalità.

“Is-soluzzjoni mhijiex metro li ma naffordjawx,” insista Grech waqt li wiegħed li Gvern Nazzjonalista jagħmilha aktar faċli lill-Maltin biex jużaw it-trasport pubbliku.

Grech spjega li t-trackless tram se tkun tgħaddi minn toroq arterjali u distributorji permezz ta’ korsiji riservati. Fi kliemu, bl-użu aħjar u aktar għaqli tal-ispazju tat-toroq, se jkun żgurat li din is-sistema tkun veloċi u effiċjenti u għalhekk tħeġġeġ aktar nies iħallu l-użu tal-karozza privata.

"Mhux se jkun hemm il-problemi li kien hemm meta kien hawn il-bendy buses. Se jkun karreġġjata riservati. Ikun hemm id-dritt ta' preferenza biex tgħaddi t-trackless tram," insista l-Kap Nazzjonalista meta mistoqsi jekk jistgħux jinħolqu diffikultajiet li nħolqu meta kien hawn il-bendy buses. "Din hija sistema ppruvata u użata f'pajjiżi oħra."

Qal ukoll li din tkun taħdem id f’id ma’ sistema ta’ trasport pubbliku li tuża karozzi tal-linja jew tipi oħra ta’ vetturi biex tiżdied ukoll il-konnettività ma’ żoni residenzjali, ċentri tal-impjieg, portijiet u ċentru oħra importanti. 

“Id-daqs u t-tip ta’ vettura użata għal dawn is-servizzi se jiġu ddeterminati mill-kuntest u l-użu u billi jiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-passiġġieri,” insista Grech.

Mistoqsi jekk it-trackless tram hux se tkun qed taħdem f'Għawdex, il-Kap Nazzjonalista saħaq li d-disinji li għandu f'idu l-PN bħalissa huma ffukati fuq Malta, għax fi kliemu, sa issa, is-sistema f'Għawdex qed taħdem.

Madanakollu ma eskludix li fuq il-futur dan is-servizz ikun estiż ukoll f'Għawdex. Il-Kap Nazzjonalista fakkar li l-metro li qed jipproponi l-Gvern mhux biss teskludi lil Għawdex imma ħafna lokalitajiet.

"Il-pjan u l-mappa tagħna se tkun aktar komprensiva ... se jkun hemm ukoll link dirett bejn l-Ajruport u l-Belt Valletta u ċentri oħra imporanti," spjega Grech.

Mistoqsi fejn se jkunu qed isiru l-istazzjonijiet, il-Kap Nazzjonalista ma tax dettalji. Qal biss li s-sistema ta' trackless tram mhux se tkun qed toħloq l-ammont ta' terrapin u skart tal-kostruzzjoni li se joħloq il-proġett tal-metro.

Apparti din il-proposta, anke biex jikkumplimentaw lilha u jinċentivaw l-użu tat-trasport pubbliku u l-użu alternattiv tat-trasport, il-PN qed jipproponi wkoll:

  • Bini ta' network ta' toroq taħt l-art biex ikun indirizza il-konġestjoni tat-traffiku
  • Għotja ta’ €10,000 mifruxa fuq 5 snin biex aktar familji jeħilsu mill-vettura qadima tagħhom, bil-kundizzjoni li ma jerġgħux jiksbu vettura oħra tul il-perjodu
  • Titjieb tas-servizz ta' trasport bil-baħar
  • Programm nazzjonali li jimmira lejn l-inċentivar u l-iffaċilitar tal-użu tar- rota bil-mira li fi żmien ħames snin madwar 10% tal-vjaġġi jsiru permezz tar-rota. 
  • Tfassil ta’ rotot perpetwi fuq netwerk ta’ toroq li jippermettu l-użu tar-rota u inċentivar għall-ħaddiema li jagħżlu li jmorru x-xogħol bir-rota
  • Programm ma’ Malta u Għawdex kollha biex il-vetturi elettriċi jkollhom stazzjonijiet tal-iċċarġjar rapidu f’kull distanza massima ta’ 2km sewqan.
  • Jorħos b’20% ir-rata tal-elettriku għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi minn 13ċ għal 10ċ5 f’kull ħin tal-ġurnata.

More in Politika