Pagi aħjar għall-edukaturi, żieda fl-istipendju u għajnuna għall-ġenituri; Grech iwiegħed

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-bidu tat-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali, Grech spjega sensiela ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel għas-settur tal-edukazzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wiegħed titjieb fil-kundizzjonijiet tal-għalliema, stipendji aħjar għall-istudenti u aktar opportunitajiet biex, fi kliemu, iż-żgħażagħ ikollhom aktar opportunità f’Malta stess.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, fil-bidu tat-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali, Grech spjega sensiela ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel għas-settur tal-edukazzjoni.

Saħaq li f’dan is-settur, il-Partit Nazzjonalista għandu “track-record” u se jibqa’ jaħdem biex jibqa’ jsaħħu.

Insista wkoll li l-Partit Nazzjonalista jrid isaħħaħ l-edukazzjoni u joffri opportunitajiet mhux biss fis-suġġetti klassiċi u għalhekk qal li l-viżjoni li għandu għal dan is-settur tħares lejn l-edukazzjoni b’mod aktar wiegħsa.

“Aħna rridu noffru opportunitajiet għal kulħadd,” insista Grech waqt li saħaq li bħalissa ż-żgħażagħ qed jippreferu jitilqu minn pajjiżhom biex jikbru fil-karriera tagħhom. “Bi Gvern Nazzjonalista taraw pajjiż li tridu terġgħu tirritornaw fih u tkomplu tkunu parti minn din il-ħolma.”

Wiegħed għalhekk, bidla radikali fil-finanzjament tal-edukazzjoni, biex dan jibqa’ jiżdied sena wara l-oħra permezz ta’ formula li tkun marbuta wkoll mat-tkabbar tal-Prodott Gross Domestiku.

X’qiegħed iwiegħed il-PN għall-edukaturi u l-iskejjel?

  • Titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi biex, fi kliem Grech dan iservi ta’ inċentiv biex aktar persuni jagħżlu din il-professjoni
  • Titjieb sostanzjali fis-salarji tal-edukaturi
  • Tqassum ta’ aktar ikel bnin u frisk fl-iskejjel
  • Tinfetaħ skola sekondarja speċjalizzata ġdida kull sena. Dan bil-għan, spjega Grech, li aktar tfal u żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Se tingħata attenzjoni fit-teknoloġija diġitali, il-metaverse, id-dinja virtwali, ir-robotika, il-manifattura diġitali, l-arti u anke l-kultura
  • Ftuħ ta’ ċentri edukattivi ta’ eċċellenza fis-setturi kollha, fosthom dawk sportivi, mużikali u kulturali

L-istipendji kif se jiżdiedu?

Gvern Nazzjonalista qiegħed iwiegħed żieda ta’ 25% fl-istipendji.

Għal dawk iż-żgħażagħ li jwettqu xogħol volontarju, l-istipendju jiżdied b’25% oħra.

Fakkar ukoll fil-wiegħda tal-PN li joffri vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena biex ikunu jistgħu jsiefru għal attivitajiet sportivi jew kulturali.

Programm ta’ eċċellenza fl-apprendistat

Il-Partit Nazzjonalista, spjega Grech, qiegħed iwiegħed programm ta’ eċċellenza fl-apprendistat u li fih kliemu se jkun qed jinvolvi wkoll operaturi ewlenin.

Grech saħaq li minbarra li jipprovdi l-qafas ta’ dan il-programm fl-MCAST, Gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed joffri wkoll krediti fiskali ta’ 200% għall-investimenti li jagħmlu l-operaturi industrijali fil-programm, li jkunu konformi mal-kriterji ta’ l-ESG u anke se jkun qed ikoppri 35% tas-salarju tal-apprendisti ingaġġati, suġġett li jintlaħqu l-kriterji ta’ suċċess. 

Għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom x’qed joffri l-PN?

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed joffri skemi biex ġenituri jkunu jistgħu jnaqqsu mid-dħul taxxabbli, kull miżata tal-edukazzjoni, ħlasijiet ta’ attivitajiet extrakurrikulari u anke dawk marbutin mal-isports.

Qed iwiegħed ukoll għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti iżgħar minn 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm estrakurrikulari strutturat u rreġistrati, fl-isports, l-arti u l-kultura u fil-perfoming arts.

Wiegħed ukoll l-introduzzjoni ta’ study leave għal żmien l-eżamijiet għal dawk li jaħdmu full-time.

Aqra hawn x'qal Bernard Grech dwar il-proposta tal-PM fuq il-homework

More in Politika