Jitneħħa l-homework? 'Wiegħda populista' jgħid Grech dwar il-proposta tal-PM

Jisħaq li l-homework joffri opportunità biex l-għalliema jifhmu jekk l-istudenti jkunu qed jiffaċċjaw xi diffikultajiet u għalhekk jindirizzawhom

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddeskriva l-proposta tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-homework bħala "wiegħda populista."

Grech kien mistoqsi dwar il-kummenti tal-Prim Ministru meta wiegħed li jibda l-proċess biex is-sistema edukattiva timxi lejn waħda fejn il-homework ma jkunx neċessarju.

Il-Kap Nazzjonalista rrikonoxxa li jista' jkun hemm tnaqqis jew tip ta' homework differenti biex jiżdied il-ħsieb kritiku fl-iskejjel u student mhux sempliċiment jikkopja u jikteb.

Madanakollu, Grech insista li r-relazzjoni bejn l-edukatur u l-istudent hija importanti u l-homework jagħti l-possibbilità biex l-għalliem jivverifika x-xogħol u anke jifhem fejn student ikun qiegħed ibati biex eventwalment ikun jista' jgħinu aktar.

Insista li anke għall-ġenituri, il-homework iservi bħala mezz biex jaraw fiex qegħdin uliedhom. Fi kliemu, mhuwiex minnu li hawn ħafna ġenituri li jaqblu mal-proposta tal-Prim Ministru.

"Xi ħadd qed jitolbok li isir Prim Ministru b'xi ħaġa populista li la hi matura u lanqas ma hi serja," insista Grech.

Agħfas hawn biex tara x'wiegħed dalgħodu l-PN għall-edukazzjoni

More in Politika