Il-PM Abela jindika li restrizzjonijiet marbutin mal-booster jitneħħew meta nilħqu persentaġġ tal-poplu mlaqqam

Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti Robert Abela indika t-tmiem tar-restrizzjonijiet marbutin mal-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin meta l-pajjiż jilħaq persentaġġ tal-poplu vvaċinat, imma ma jagħtix numru speċifiku

Il-PM Robert Abela fi Strasburgu
Il-PM Robert Abela fi Strasburgu

F'kummenti lill-midja Maltija fi Strasburgu l-Prim Ministru Malti Robert Abela indika li l-Gvern se jkun qed jirrilassa aktar miżuri inkluż, dik li permezz tagħha huma biss dawk li ħadu l-booster li jistgħu jidħlu f'ristoranti, barijiet, gyms u postijiet oħrajn, ladarba iżda jintlaħaq ċerta livell tal-poplu li huwa mlaqqam. Huwa sejjaħ dan il-mixja lejn normalità.

Minkejja li s-sit illum.com.mt staqsa b'mod dirett lil Abela x'inhu u kemm huwa dan in-numru li se jiddetermina li wasalna f'normalità huwa rrifjuta li jagħti numri, imma qal li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed iħabbru dan mal-Gvern.

Huwa saħaq ukoll li huwa importanti li aktar nies ikomplu jitlaqqmu bil-booster. Huwa mifhum li l-persentaġġ ta' persuni mlaqqmin issa qabeż bi ftit is-70%. Aktar minn 90% tal-poplu kien ħa l-ewwel żewġ dożi tal-vaċċin. 

Hekk kif kien qed jagħti kummenti fi Strasburgu fejn illejla qed jitfakkar David Sassoli, Abela kien mistoqsi wkoll dwar Metsola li għada se tkun qed toqgħod għal eżami importanti li jaf jaraha ssir President tal-Parlament Ewropew. 

Huwa qal li huwa jinsab fiduċjuż li bħala poplu se nkunu nistgħu nitkellmu dwar Metsola bi kburija. Mistoqsi kif jirreaġixxi għall-fatt li diversi partitarji Laburisti kienu jakkużaw lil Metsola li hija traditura - minħabba li mbutat diversi dibattiti dwar Malta u s-saltna tad-dritt fil-pajjiż,  Abela sostna li hu mhux se joqgħod jipponta swaba dwar il-passat.

More in Politika