Il-PN jsejjaħ għal azzjoni fuq żieda fl-inċidenti fatali fit-toroq u fuq il-baħar

Il-PN qed iwissi li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-toroq u fuq il-baħar qed tmur għall-agħar, b’żieda fl-inċidenti fatali u nuqqas ta’ infurzar u riżorsi

Ritratti: Partit Nazzjonalista
Ritratti: Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Gvern li qed jonqos serjament fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq u fuq il-baħar, u appella għal azzjoni immedjata biex jiġu mħarsa aħjar il-ħajjiet tan-nies. F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Mark Anthony Sammut, Ivan Castillo u Darren Carabott, il-PN qal li l-Gvern “b’rasu fir-ramel” u qed jinjora realtajiet perikolużi li qed iseħħu kuljum madwarna.

Il-PN qal li fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda allarmanti fl-inċidenti fatali fit-toroq. Din is-sena diġà mietu 12-il persuna, l-istess numru ta’ fatalitajiet li kien irreġistrat matul is-sena l-oħra kollha. Fl-aħħar sentejn, il-kaos fit-toroq wassal għal total ta’ 29 mewt. Il-PN qal li dan hu riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment u infurzar inadegwat mill-Gvern, li qed iħalli lill-uffiċjali tas-sigurtà mingħajr ir-riżorsi meħtieġa biex jaħdmu kif suppost.

Intqal ukoll li hemm problema serja biex jiġu attirati żgħażagħ fil-Korp tal-Pulizija u fis-setturi tas-sigurtà, u li qed ikun hemm nuqqas ta’ kontroll fuq l-abbuż minn sustanzi bħall-kokaina, il-kannabis u x-xorb, fattur ieħor li qed iżid ir-riskju ta’ inċidenti fit-toroq.

Fuq il-baħar, il-PN semma kif l-inċidenti telgħu minn 17 għal 41 fi żmien sentejn, u li anke f’dan il-qasam, hemm nuqqas ta’ riżorsi u ta’ preżenza adegwata biex jiġi żgurat is-sigurtà. Ġie mfakkar ukoll l-iskandlu dwar ir-RHIBs li ntużaw għas-sigurtà marittima, iżda nstab li ma kinux siguri għall-uffiċjali stess.

Il-kelliema qalu li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti prijorità vera lis-sigurtà u jipproponi miżuri bħall-infurzar effettiv tal-liġi, pieni aktar ħorox għal min ipoġġi ħaddieħor f’periklu, kampanji edukattivi, aktar monitoraġġ fuq xogħlijiet fit-toroq u infrastruttura aħjar u aktar sigura. Huma saħqu wkoll fuq il-ħtieġa ta’ pjan nazzjonali ta’ azzjoni.

Il-PN sostna li l-Gvern qed ifalli fil-miri tiegħu stess, u li l-poplu qed jitlef il-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja u l-infurzar, minħabba każijiet fejn il-pieni huma dgħajfa u l-infurzar mhux effettiv.

“Il-ħajjiet tan-nies huma prezzjużi,” qal il-PN, u temm billi appella għal Gvern li jara tassew x’inhu qed jiġri fit-toroq u fl-ibħra ta’ madwarna u li jagħmel minn kollox biex jipproteġi l-poplu tiegħu.

More in Politika