Il-Kollettiv qed tappella lill-gvern sabiex iwaqqaf il-proċess parlamentari dwar ir-riformi fil-ippjanar li ġew ippreżentati tard il-ġimgħa li għaddiet, u jerġa’ jikteb dawn ir-riformi b’mod li tassew jirrifletti l-bżonnijiet tal-popolazzjoni u tal-pajjiż.
“Filwaqt li naqblu fil-prinċipju li xogħlijiet ta’ kostruzzjoni m’għandhomx jibdew waqt li applikazzjoni tkun għadha pendenti għall-appell, Il-Kollettiv jinnota li l-abbozz ta’ liġi dwar l-appelli ma jqiegħedx lir-residenti u lill-applikanti fuq l-istess livell,” qal l-NGO.
Madankollu, l-NGO sostna li numru ta’ dispożizzjonijiet oħra fil-pakkett ta’ riformi jeħtieġu emendi kbar, jekk mhux li jitħassru kompletament, għax effettivament ineħħu liċ-ċittadin mhux biss mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, imma wkoll jipprojbixxuh milli jfittiħ ġustizzja. Partijiet oħra mir-riforma joħolqu inċertezza legali kbira, billi jagħtu setgħa esaġerata lill-ministri u lill-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, mingħajr ebda mezz ta’ kontabbiltà.
“Partijiet mill-abbozz huma xokkanti, speċjalment il-mod kif il-kunċett ta’ interessi privati jingħata prijorità fuq liġijiet li jipproteġu d-drittijiet ambjentali u ċivili,” qal is-Segretarju ta’ Il-Kollettiv Wayne Flask. “Dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex aċċettabbli f’ebda stat demokratiku u għandhom jiġu revokati.”
Il-grupp ikkritika wkoll il-fatt li r-riformi tressqu quddiem il-Parlament mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika, u talab lill-gvern jirrispetta l-proċeduri tiegħu stess.
Barra minn hekk, il-grupp esprima d-diżappunt tiegħu għall-mod kif l-awtoritajiet ippruvaw jgħaddu r-riforma b’mod moħbi, u mbagħad użaw propagandisti biex jattakkaw u jiskreditaw lil dawk li esprimew tħassib.
“Il-gvern għandu jirrispetta lis-soċjetà ċivili, mhux biss għax l-NGOs għandhom kompetenza fuq suġġetti relatati mal-ippjanar, imma wkoll fl-ispirtu tad-djalogu u t-trasparenza. Il-gruppi tar-residenti għandhom ikunu fuq quddiem f’dawn ir-riformi u involuti f’kull pass,” qal Il-Kollettiv. “Aħna lesti nidħlu fid-dettall tekniku tar-riforma, u nemmnu li l-gvern għandu jiftaħ konsultazzjoni pubblika mill-aktar fis. Il-prattika li jgħaddu liġijiet b’għaġla u mbagħad jagħmlu passi lura wara reazzjoni pubblika hija eżempju ta’ governanza ħażina, speċjalment meta s-soċjetà ċivili u l-gruppi tar-residenti ma jingħatawx ħin biex jirreaġixxu għal dak li jidher bħala lista ta’ xewqat favur l-iżviluppaturi.”
L-istqarrija hija approvata mill-gruppi tar-residenti taż-Żurrieq, Ħal Safi, Mellieħa, in-Netwerk tar-Residenti ta’ Marsaskala u Wirt iż-Żejtun.