'Dak li ħabbar il-Ministru Caruana huwa realistiku u sensibbli' - Kamra tal-Kummerċ

Il-ħaddiema li mhux se jibqgħu jaħdmu mal-Air Malta għandhom jiġu kkunsidrati wkoll li jsibu impjieg fil-privat

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriżi u l-Industrija fi stqarrija qalet li t-triq li qed jieħu l-Gvern fir-rigward tal-Linja Nazzjonali Air Malta hija waħda "realistika u sensibbli". Il-Kamra tal-Kummerċ tgħid ukoll li bejn din l-istrateġija u dawk oħra fl-istorja tal-Air Malta hemm kuntrast qawwi. Dan filwaqt li tgħid li tfaħħar "ir-rispons matur li kellhom il-Unjins fuq dan ir-rigward." 

Qalet li issa wasal iż-żmien biex nieqfu nagħmlu użu minn prattiċi operattivi mhux sostenibbli, f'kull tip ta' entita statali. Kif ukoll temmen li bħala pajjiż għandna nieqfu nużaw fondi pubbliċi bla rażan għal ċertu mudelli tan-negozji sempliċiment biex "jissalvaw l-impjiegi jew għall-konvenjenzi politiċi." 

Il-Kamra tal-Kummerċ tittama li dan il-mument diffiċli għall-Air Malta għandu jiftaħ għajnejn dawk li jieħdu ħsieb entitajiet pubblici u l-ispejjeż pubbliċi. Hija twissi li entitajiet oħra għandhom joqgħodu attenti bil-għan li ma jispiċċawx fl-istess sitwazzjoni fil-futur u għalhekk ma jdaħħlux ħaddiema żejda, jekk m'hemmx bżonnhom. 

Hija tirrakomanda li dawk il-ħaddiema li se jitwaqqfu mill-impjieg tagħhom mal-Air Malta għandhom jiġu kkunsidrati li jsibu impjieg mas-settur privat, speċjalment fid-dawl tan-nuqqas tar-riżors uman f'dan l-istess settur.

"Dan se jgħin biex ma jkunx hemm impjegati żejda fl-entitajiet pubbliċi," tgħid il-Kamra tal-Kummerċ.

Hija tinsisti li l-problema li qed taffaċja l-Air Malta bħalissa għandha tkompli tħeġġeġ lill-aworitajiet ikkonċernati biex jadottaw strateġija turistika ġdida li tippromwovi lil Malta bħala d-destinazzjoni ideali, tul is-sena kollha u mhux biss fi staġuni partikolari. 

Ara wkoll ir-reazzjoni tal-Oppożizzjoni hawnhekk. 

More in Politika