‘Għandna Gvern li għamel lill-Air Malta każin politiku’ - Mario De Marco

Il-PN jikkritika bl-aħrax lill-Gvern Laburista talli jgħid li naqas milli jimxi mal-pjan tal-Kummisjoni Ewropea

Mario De Marco
Mario De Marco

B’reazzjoni għall-aħbar li se jitneħħew nofs il-ħaddiema tal-Air Malta, f’konferenza tal-aħbarjiet, il-kelliem tal-PN għall-Finanzi Mario De Marco saħaq li f’Ġunju tal-2012, il-Partit Nazzjonalista (PN) mar quddiem il-Kummisjoni Ewropea (KE) fejn hija approvat pjan ristrutturat kif ukoll għotja ta’ €130 miljun li kellu jindirizza b’mod għaqli l-problemi tal-Air Malta u li kien se jippermetti biex il-Linja Nazzjonali, fi żmien raġonevoli, terġa’ ssir vijabbli.

Intant huwa aċċennna għall-fatt li filwaqt li fl-2018 u fl-2019 Konrad Mizzi kien saħaq li l-Air Malta, wara numru ta’ snin, kienet qiegħda tagħmel profitt, jidher iżda li dan ma kienx minnu. Dan għaliex kien deher li sar profitt għax il-Linja Nazzjonali biegħet il-landing rights tagħha f'Heathrow u anke f'Gatwick u biegħet ukoll il-branding tagħha.

Caruana kien żvela mal-gazzetta ILLUM lura fi Frar tas-sena l-oħra illi l-Air Malta kienet qed tagħmel telf ta' €170,000 kuljum u kien għamilha ċara li "jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tagħtix dan il-permess - u m'inix nara għaliex ma għandhiex tagħtih - l-Air Malta mhux se tgħix.  Ikun fadlilha biss ftit ġimgħat ħajja." 

"Illum nafu iżjed minn qatt qabel li minħabba Ministri irresponsabbli qiegħed iħallas il-ħaddiem,” spjega Ivan Castillo kandidat għall-elezzjoni ġenerali.

De Marco spjega li l-Gvern Laburista, “inganna l-ħaddiema u l-poplu Malti meta l-ewwel qal li kellna Linja Nazzjonali profitabbli u issa qed titlef €170,000 kuljum u għandha bżonn tiġi salvata. Għandna Gvern li għamel lill-Air Malta każin u ballun politiku, li berbaq il-flus tal-linja nazzjonali. Illum ninsabu fejn qegħdin minħabba n-nuqqas ta’ amminstrazzjoni tajba u dan se jħallsuh l-ħaddiema, l-industrija tat-turiżmu, Malta u int."

Min-naħa l-oħra, il-Kelliem tal-PN għat-Turiżmu Robert Arrigo, spjega li issa l-Air Malta tilfet il-kredibiltà “kważi għall-kollox,” mal-KE. Tant hu hekk, li l-Ministru Caruana stess qal li l-KE kienet tal-fehma li l-Air Malta tagħlaq kompletament u minflokha tinfetaħ kumpanija ġdida. Huwa jemmen li l-Awtorità għat-Turiżmu (MTA), minflok tberbaq il-flus għandha tpoġġi mal-istakeholders barranin u toħloq pjan sew ikollha titjiriet differenti u tqum fuq saqajha.

Illum il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ħabbar li biex l-AirMalta ssalva ma tistax iżżomm in-numru ta’ ħaddiema li qiegħda tħaddem magħha preżentament.

Caruana saħaq li l-Linja Nazzjonali tal-ajru se twaqqaf nofs il-ħaddiema tagħha u jingħataw ieħor mal-Gvern, permezz ta’ Voluntary Employee Transfer Scheme, li se jiftaħ illejla stess. B’hekk minn 900 ħaddiem irreġistrat fuq il-kotba tal-AirMalta dawn se jonqsu għal 430. Minn dawn 300 huma ħaddiema tal-Groundhandling. Dan is-servizz, minflok se jibda’ jsir minn kumpanija privata li għalissa għadu ma kienx determinat liema waħda se tkun. 

More in Politika