Il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta qed tagħmel telf operazzjonali enormi ta' xejn inqas minn €170,000 kuljum. Dan ifisser illi bħalissa l-Air Malta qed tagħmel total ta' telf operazzjonali ta' ftit iktar minn €5.2 miljuni fix-xahar jew madwar €62 miljun fis-sena. Terġa u tgħid dan ma jinkludix xi telf ieħor li qed isir u li mhux marbut mal-pagi u l-ispejjeż relatati mal-ajruplani li huma koperti f'dan it-telf operazzjonali.
Dan żvelah mal-gazzetta ILLUM il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana f'kummenti dwar il-kumpanija li saħaq illi tinsab "fi stat tal-biki" wara l-pandemija. "Jekk qabel il-pandemija s-sitwazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru ma kinitx feliċi, wara l-pandemija saret tal-biki," sostna l-Ministru mingħajr wisq kantunieri.
Għalhekk ħabbar kif ġew identifikati numru ta' miżuri u bħalissa qed isir rapport tekniku bl-għajnuna ta' esperti barranin u dan sabiex sax-xahar id-dieħel il-Gvern iressaq it-talba quddiem il-Kummissjoni Ewropea biex il-kumpanija tkun tista' tingħata sussidju.
Minkejja li s-sussidji jmorru kontra l-politika tal-UE għax huma meqjusin bħala mod kif tinħoloq kompetizzjoni inġusta, il-Kummssjoni Ewropea qed taċċetta li tgħaddi għajnuna lil-linji nazzjonali tal-ajru nazzjonali wara d-daqqa kbira li ħadu minħabba l-pandemija.
Fil-fatt iktar kmieni din is-sena l-istess Kummissjoni approvat għajnuna ta' €73 miljun lill-Alitalia. Skont it-trattati tal-UE Stati Membri jistgħu jgħaddu għajnuna li tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali - minħabba n-natura eċċezzjonali u imprevedibbli tagħhom kif ukoll ir-riperkussjonijiet kbar fuq l-ekonomija. Il-Kummissjoni Ewropea qed tqis il-pandemija tal-Covid-19 bħala ċirkostanza eċezzjonali u allura qed tippermetti li tingħata l-għajnuna.
Il-Ministru Caruana qal lil din il-gazzetta li dan is-sussidju se jiswa' "għexieren ta' miljuni fl-ewwel sena biss." Qal li biex l-UE tagħti permess li jingħataw dawn il-miljuni l-pjan 'il quddiem irid ikun "onest u kredibbli".
"Jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tagħtix dan il-permess - u m'inix nara għaliex ma għandhiex tagħtih - l-Air Malta mhux se tgħix. Ikun fadlilha biss ftit ġimgħat ħajja."
Huwa għamilha ċara li Malta trid turi li mhix qed tiċċajta u li għandha pjan fattibbli għall-linja nazzjonali tal-ajru.
'Dan huwa l-aħħar ċans'
Il-Ministru Caruana spjega kif diġa' ltaqa' ma tliet unjins - tal-Piloti, tal-Ekwipaġġ u tal-Inġiniera u li magħhom kien skjett: "Dan huwa l-aħħar ċans tal-Air Malta."
"Smajna ħafna dwar l-Air Malta, ħafna pjanijiet - imma dejjem b'xi mod jew ieħor daħal il-politiku fin-nofs, inkluż b'indħil fuq livell maniġerjali. Il-politiku ma jistax jibqa' jieħu deċiżjonijiet li jtellfu lill-kumpanija . Jiena dan mhux se nagħmlu," wiegħed il-Ministru.
Il-Ministru tal-Finanzi fakkar li l-Air Malta hija kruċjali għall-pajjiż hekk kif iġġorr madwar 30% tat-turisti li jiġu pajjiżna, apparti li matul il-pandemija kienet kruċjali biex persuni setgħu jmorru lura d-dar minn Malta jew inkella jinġiebu Malta minħabba li kienu qegħdin barra fuq xogħol jew vaganza.
"Jekk irridu lill-Air Malta tibqa' ttir ma jistax jibqa' jkollna indħil politiku. Minkejja li donnu Ministru huwa popolari għax joqgħod idaħħal lin-nies l'hemm jew l'hawn, jiena żgur u mhux forsi, mhux se nagħmel dan fl-Air Malta, " sostna l-Ministru Caruana.
Huwa temm jaċċerta lil din il-gazzetta li hu mhux se joqgħod lura milli jieħu d-deċiżjonijiet, anke jekk ikun hemm min ma jiħux pjaċir "għax jekk ma niddeċidux - u qed ngħidha b'ċertezza - il-kumpanija li rajniha ttir għal għexieren ta' snin tisiċċa u tieqaf."