L-Air Malta se tnaqqas nofs il-ħaddiema… 'jekk ma jsirx hekk se tfalli' jwissi Caruana

Se tkun imnedija skema volontarja mil-lejla stess biex dawn il-ħaddiema jingħataw transfer għal xogħol ieħor mal-Gvern

Il-Ministru Clyde Caruana ħabbar li biex l-Air Malta ssalva ma tistax iżżomm in-numru ta' ħaddiema li għandha fil-preżent. Għalhekk fost pjan ta' ristrutturar li Caruana ħabbar illum hemm dik illi permezz tagħha nofs il-ħaddiema tal-Linja Nazzjonali se jkunu qed jitwaqqfu minn dan l-impjieg u jingħataw ieħor mal-Gvern, permezz ta' Voluntary Employee Transfer Scheme li se tiftah mil-lejla stess. 

Għalhekk minn madwar 900 ħaddiem li hemm preżentement fuq il-kotba tal-Air Malta dawn se jkunu qed jonqsu b'madwar 430, li 300 minnhom huma dawk il-ħaddiema tal-ground handling. Dan is-servizz minflok se jibda jsir minn kumpanija privata li għalissa għadha ma ġietx identifikata.

Għalissa iżda l-iskema ta' trasferiment volontarju għal impjieg alternattiv mal-Gvern se tkun miftuħa għal 407 ħaddiema li jaħdmu fl-amministrazzjoni jew inkella li huma membri tal-cabin crew. Minn dawn jeħtieġ li jitnaqqsu 110 ħaddiema. 

Sat-tieni kwart tas-sena imbagħad tkun fetħet l-iskema u tkun ukoll konkluża għat-300 ħaddiem li bħalissa qed jaħdmu bħala ground handlers. 

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Air Malta, David Curmi li spjega kif minn eżerċizzju li sar, li fih l-Air Malta kienet imqabbla ma' linji tal-ajru oħra, inkluż ir-Ryanair u anke l-Easyjet, irriżulta li l-ground handling huwa wieħed mill-akbar fatturi li kien qed iżid it-telf għal-linja nazzjonali tal-ajru.

Fi kliem Curmi, il-ground handling f'Malta jiswa' aktar minn dak tal-Ajruport fi Franza Charles de Gaulle, jiġifieri €12-il miljun fis-sena. 

'Il-Kummissjoni Ewropea kienet tilfet il-fiduċja fl-Air Malta... riditha tagħlaq'

Il-Ministru Caruana għamilha ċara li lilhinn mill-għajnuna finanzjarja li l-Gvern talab għaliha l-permess tal-Kummissjoni Ewropea, dawn il-miżuri li tħabbru llum huma essenzjali biex l-Air Malta ma tfallix. 

Insista li tkun kemm tkun iċ-ċifra li l-Kummissjoni Ewropea tapprova, dawn il-miżuri jridu jidħlu fis-seħħ. 

Saħaq li meta bdew id-diskussjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea ma kellhiex fiduċja fl-Air Malta, anke għax ħafna wiegħdi li saru ma kinux twettqu u l-affarijiet baqgħu fejn kienu.

Il-Ministru Caruana waqt il-Konferenza
Il-Ministru Caruana waqt il-Konferenza

Tant hu hekk, li skont il-Ministru, il-Kummissjoni Ewropea kienet tal-fehma li l-Air Malta tagħlaq kompletament u minflokha tinfetaħ kumpanija ġdida.

Madanakollu, kompla l-Ministru, il-Kummissjoni Ewropea kienet sodisfatta bi żviluppi li seħħew fl-Air Malta u fl-operat tagħha fl-aħħar xhur u fl-aħħar laqgħat, kienet aktar pożittiva.

'Jiena nibqa' tal-fehma li l-Air Malta tista' ssalva ... il-jiem li ġejjin kruċjali'

Caruana kien żvela mal-gazzetta ILLUM lura fi Frar tas-sena l-oħra illi l-Air Malta kienet qed tagħmel telf ta' €170,000 kuljum u kien għamilha ċara li "jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tagħtix dan il-permess - u m'inix nara għaliex ma għandhiex tagħtih - l-Air Malta mhux se tgħix.  Ikun fadlilha biss ftit ġimgħat ħajja." 

Madanakollu, il-Ministru illum insista li hu jinsab ċert li l-Air Malta tista' ssalva u għalhekk qed jimplimenta dawn il-miżuri. Fi kliemu, kieku ma kellux din il-fiduċja, "ma kienx se joħroġ għonqu."

Saħaq li l-jiem u l-ġimgħat li ġejjin huma kruċjali u għalhekk hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. 

Insista li llum iltaqa' mal-unjins kollha kkonċernati u fi kliemu fehmu s-sitwazzjoni u lesti jaħdmu flimkien biex l-Air Malta ssalva.

'Reviżjoni tar-rotot ... qtajna barra dawk ir-rotot li ma jagħmlux sens'

Kemm il-Ministru Caruana u anke David Curmi saħqu li kull deċiżjoni li tittieħed trid tkun tagħmel sens finanzjarjament u mhux politikament.

Fil-fatt, il-Ministru Caruana kien kritiku ħafna ta' deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar snin biex ikunu introdotti ċertu rotot jew biex saħanistra jiddaħħlu jaħdmu ħaddiema sempliċiment għal skopijiet politiċi.

Dwar ir-rotot, Curmi saħaq li qabel ħa f'idejh it-tmexxija, l-Air Malta kellha 40 rotta u kull titjira kienet qed tagħmel telf.

Rotta li ma tqallax flus ma għandha qatt issir. Naqqasna minn 40 għal 20. Mhuwiex żmien li nesperimentaw bir-rotot. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed naħarqu l-flus," saħaq Curmi David Curmi

Fil-fatt, pjanijiet li kienu daħlu fis-seħħ taħt il-Ministru Konrad Mizzi, biex l-Air Malta tibda ttir anke barra mill-Ewropa, ġew mogħtija l-ġenb.

Tant hu hekk, li żewġ ajruplani long-haul li kienu se jinxtraw inbiddlu għal tlieta li jagħmlu aktar sens għall-Air Malta u li se jiswew inqas flus.

Illum il-ġurnata, l-Air Malta għandha 20 rotta li jagħmlu aktar sens finanzjarju għaliha.

"Rotta li ma tqallax flus ma għandha qatt issir. Naqqasna minn 40 għal 20. Mhuwiex żmien li nesperimentaw bir-rotor," saħaq Curmi. 

Fost l-aktar rotot li telfu flus lill-Air Malta kien hemm Frankfurt u Gatwick u anke rotot oħra li ddaħħlu fl-aħħar snin, fosthom lejn Ibiża, Cagliari, Venezja, Budapest u oħrajn.

Is-sitwazzjoni ilha sejra ħażin minn qabel il-pandemija

Iċ-Chairperson ta preżentazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija u saħaq kif filwaqt li l-Covid-19 kompla jgħarraq is-sitwazzjoni, l-Air Malta kienet ilha sejra ħażin minn qabel il-pandemija.

Bejn 2005 u l-2020, l-Air Malta kienet għamlet telf ta’ €258 miljun.

Saħaq li meta anke l-Air Malta dehret li għamlet profitt, bejn l-2018 u l-2019, dan kien ġej mill-fatt li biegħet il-landing rights tagħha f'Heathrow u anke f'Gatwick u biegħet ukoll il-branding tagħha.

David Curmi
David Curmi

Dan, effettivament ifisser, li mhuwiex minnu li kien hemm profitt, bl-Air Malta tispiċċa bla ebda assi.

Apparti minn hekk, minħabba titjiriet ikkanċellati, l-Air Malta tat refużjoni ta' €32 miljun lill-klijenti tagħha u ħarġet ukoll 80,000 voucher.

'Bżonn ta' aktar flessibbilità u bidla fil-mentalità'

Il-Ministru Caruana u anke David Curmi insistew fuq il-bżonn li jkun hemm aktar flessibbilità fost il-ħaddiema u għalhekk bħalissa qed jiġu riveduti l-ftehimiet kollettivi li hemm, anke biex dawn ikunu jagħmlu aktar sens.

Saħaq li dan ikun jista' jagħti lok biex l-Air Malta timmassimizza l-użu tal-ajruplani tagħha.

Insista li l-Air Malta se tibqa' topera bi tmien ajruplani. Kull ajruplan, jiswa' lill-Air Malta €10 miljun fis-sena, anke meta ma jkunx qed itir. Fil-fatt, fix-xhur tax-xitwa jkun hemm bżonn biss erba' ajruplani, b'Curmi jisħaq li ajruplani fuq l-art jiswew aktar flus.

Saħaq li aktar flessibbilità fost il-ħaddiem jfisser li jkunu jistgħu jintużaw aktar ajruplani għax aktar jagħmel sens li dawn ikunu qed itiru u joffru servizzi għax almenu ma jkunx hemm biss spejjeż imma anke dħul.

Insistew li 'l quddiem, anke bis-saħħa ta' aktar flessibbilità, l-Air Malta qed tħares li tibda topera mhux biss minn u lejn Malta iżda jkollha bażijiet oħra barra minn Malta, biex pereżempju topera titjiriet bejn ajruport u ieħor fl-Italja. Iżda hawn tenna li hemm bżonn flessibbilità, anke għax ħaddiema jfisser li jkollhom jibqgħu għal xi jiem barra minn Malta.

Dan diġà beda jsir, anke biex l-Air Malta timmassimizza l-użu tal-ajruplani. Fost oħrajn l-Air Malta qed tinvesti fiċ-chartering u anke ħadet tenders ma' timijiet tal-futbol Taljani, anke dawk li jilagħbu fis-Serje A, biex tkun hi li twassal il-plejers għal-logħob u lura.

Għaliex trid tagħti permess il-Kummissjoni Ewropea?

Minkejja li s-sussidji jmorru kontra l-politika tal-UE għax huma meqjusin bħala mod kif tinħoloq kompetizzjoni inġusta, il-Kummssjoni Ewropea qed taċċetta li tgħaddi għajnuna lil-linji nazzjonali tal-ajru nazzjonali wara d-daqqa kbira li ħadu minħabba l-pandemija. 

Fil-fatt is-sena li għaddiet, fost oħrajn, il-Kummissjoni approvat għajnuna ta' €73 miljun lill-Alitalia. Skont it-trattati tal-UE Stati Membri jistgħu jgħaddu għajnuna li tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali - minħabba n-natura eċċezzjonali u imprevedibbli tagħhom kif ukoll ir-riperkussjonijiet kbar fuq  l-ekonomija. 

Il-Kummissjoni Ewropea qed tqis il-pandemija tal-Covid-19 bħala ċirkostanza eċċezzjonali u allura qed tippermetti li tingħata l-għajnuna li dejjem tkun ikkundizzjonata. 

More in Politika