Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li fid-dawl tar-riżenja ta' David Thake, il-Perit Graziella Galea se tkun qed tieħu l-post minfloku.
Galea hija l-minority leader tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u hija wkoll kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-12-il distrett. Hija kienet is-Sindku tal-istess lokalità sal-2018. Graziella Galea dakinhar kienet irriżenjat minn Sindku ta' San Pawl il-Baħar u dan qabel ma fil-fatt iffaċċjat mozzjoni ta sfiduċja fiha minn Kunsill li jidher li ried ineħħiha akkost ta' kollox.
Filwaqt li rringrazzja lil Thake talli "refa’ r-responsabbiltá politika tiegħu u rriżenja mill-Parlament," il-PN ħabbar ukoll li Thake se jirtira wkoll il-kandidatura tiegħu minn mal-Partit Nazzjonalista.
"Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, aċċetta r-riżenja u rringrazzja lil David Thake għal kontribut li ta lill-Partit Nazzjonalista u għal ġlieda tiegħu li jtejjeb l-istandards fil-politika," qal il-Partit.