Thake jirriżenja mill-Parlament... jgħid iżda li tiegħu huwa 'żball redikolu u amministrattiv'

Id-Deputat Nazzjonalista jirriżenja mill-Parlament iżda jsostni diversi drabi li tiegħu kien biss żball redikolu u amministrattiv li l-Partit Laburista jisħaq li rnexxielu jneffaħ...

David Thake jirriżenja mill-Parlament
David Thake jirriżenja mill-Parlament

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake se jkun qed jirriżenja mill-Parlament ukoll wara li diġà rriżenja mill-Grupp Parlamentari tiegħu. F'messaġġ li tella' fuq Facebook huwa qal li l-istandards tiegħu huma differenti minn dawk ta' membri tal-Partit Laburista u baqa' jinsisti diversi drabi li tiegħu kien biss "żball redikolu u amministrattiv." Huwa akkuża wkoll lill-Partit Laburista li permezz tal-midja neffaħ l-akkużi fil-konfront tiegħu. 

Thake spiċċa f'nofs kontroversja hekk kif l-ewwel fuq The Times u l-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta Maltatoday kien żvelat kif huwa kellu eluf kbar x'jagħti lid-Dipartiment tal-VAT. Inizzjalment irriżulta li Thake kellu €270,000 x'jagħti lill-istess Dipartiment fuq l-operat ta' Vanilla Telecoms għalkemm meta jonqsu flus li ġew diferiti minħabba skema tal-Gvern relatata mal-Covid-19, dawn niżlu għal madwar €174,000 li jeħtieġ jitħallsu fil-pront. Fuq dawn l-ammonti pendenti - li ġie rrapportat li jmorru lura snin Thake laħaq qbil mad-Dipartiment għall-ħlas . Il-Ħadd li għadda imbagħad irriżulta li fuq żewġ kumpaniji oħra tiegħu - Maltashopper Ltd u Maisons Du Monde  - Thake kellu €550,000 oħra x'jagħti lid-Dipartiment tal-VAT. Aktar minn hekk ukoll kien żvelat kif huwa ma kienx għamel filing tal-kontijiet fuq dawn il-kumpaniji. 

Fil-messaġġ tiegħu huwa fetaħ il-kanuni fuq il-Gvern li sejjaħlu "organizzazzjoni kriminali" li jisħaq li tefgħana fuq il-Grey List. "Tridu nies li jaħsbu li l-pajjiż huwa l-piggy bank tagħhom? Dak li tridu? Għax jekk hekk tridu, b'ħames snin oħra ta' Gvern Laburista hekk se tieħdu," sostna Thake lejn tmiem il-kummentarju tiegħu. 

 

More in Politika