David Thake ma jħallasx €270,440 VAT fuq medda ta' snin ... imma jgħid li mhux evażjoni

 Thake qal li qed jiġi ffinalizzat programm ta’ ħlas lura b'mod volontarju u mistenni jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin

Id-Deputat Nazzjonalista, David Thake, ammetta ma' ġurnalist ta' The Times of Malta li l-kumpanija tiegħu, Vanilla Telecommunications, għandha iktar minn €270,000 f'VAT pendenti. 

Il-ġurnal irraporta kif din il-VAT pendenti tinqasam f'€233,515 li ilhom ma jitħallsu fuq medda ta' snin u l-kumplament huma interessi u multi. Thake spjega wkoll li ftit inqas minn €100,000 se jkunu differiti minħabba miżuri fiskali tal-COVID, introdotti mill-Gvern biex jgħinu lin-negozji jkampaw mal-pandemija. Dan ifisser li għalissa Thake għandu jħallas €174,790 f'VAT.

Thake ilu jiddiskuti dawn il-flejjes mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni għal dawn l-aħħar ftit ġimgħat. Thake qal li issa qed jiġi ffinalizzat programm ta’ ħlas lura b'mod volontarju u mistenni jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin.

Id-Deputat Nazzjonalista, mhux biss huwa iċ-Chairperson tal-kumpanija, Vanilla Comm, talli huwa wkoll ix-shareholder prinċipali u uniku, u għalhekk huwa responsabbli għal dan l-ammontmhux imħallas.

Intant, huwa żied jgħid mal-istess ġurnali, li l-kumpanija "dejjem iddikjarat b'mod skrupluż kull ċenteżmu tal-bejgħ tagħha". Huwa iġġustifika dawn it-taxxi billi qal li d-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-kumpanija ġew ippreżentati fil-ħin u ma kien hemm "assolutament l-ebda allegazzjoni ta' xi evażjoni tat-taxxa min-naħa tal-kumpanija".

Sadanittant, skont Thake, is-sitwazzjoni tat-taxxa personali tiegħu hija normali, mingħajr ebda ħlasijiet pendenti ta' ebda tip, apparti dawn il-€174,790.

More in Politika