Aġġornata | Graziella Galea tirriżenja minn jeddha qabel il-vot ta' sfiduċja

Graziella Galea 'taqta' saqajn' il-maġġoranza tal-Kunsillieri ta' San Pawl il-Baħar u tirriżenja qabel mozzjoni ta' sfiduċja fiha

is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea
is-Sindku ta' San Pawl il-Baħar Graziella Galea

Graziella Galea irriżenjat minn Sindku ta' San Pawl il-Baħar u dan qabel ma fil-fatt iffaċċjat mozzjoni ta sfiduċja fiha minn Kunsill li jidher li ried ineħħiha akkost ta' kollox. Dan jidher li għamlitu biex 'taqta' saqajn' dawk li ħaduha kontriha u li appoġġjaw mozzjoni ta' sfiduċja li talbet għat-tneħħija tagħha.

Il-mozzjoni ta' sfiduċja fis-Sindku għandha l-appoġġ ta' tmien Kunsillieri minn 13, jiġifieri l-maġġoranza. Din il-maġġoranza hija magħmula mis-sitt Kunsillieri tal-Partit Laburista u żewġ Kunsillieri li telgħu f'isem il-Partit Nazzjonalista fl-2015.  Robert Piscopo u Joseph Vella rreżenjaw ftit xhur ilu mill-PN wara nuqqas ta' qbil ma' Galea, imma baqgħu fil-Kunsill bħala Kunsillieri Indipendenti. Dan ifisser illi kieku marret għal vot Galea kienet titilfu żgur. 

Mar-riżenja tagħha Galea sostniet (ara ittra) li l-Kunsillieri qegħdin hemm biex iservu lill-lokalità u sostniet illi numru ta' Kunsillieri ma kellhomx l-interess tar-residenti imma dak li ma jħallux il-Kunsill jiffunzjona. 

Galea sostniet illi hija rriżenjat kontra qalbha u biex ma tħallix lil min iżomm lir-residenti "ostaġġi għall-mibgħeda u l-kilba tal-poter ta xi wħud li m'aċċettawx ir-riżultat elettorali li permezz tiegħu jien kont eletta Sindku."

L-ittra ta' riżenja ta' Graziella Galea
L-ittra ta' riżenja ta' Graziella Galea

Il-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar ilu għal dawn l-aħħar xhur maqbud fi ġlied intern u riżenji, anke minn Kunsillier tal-Partit Laburista.

Dan is-sit jinsab infurmat illi saru bosta laqgħat fil-Każin tal-PN ta' San Pawl il-Baħar, illi apparti Graziella Galea għalihom attendew ukoll nies oħrajn mill-familja tagħha u Deputat Nazzjonalista fuq 12-il distrett. 

Minkejja diversi telefonati li saru, dan is-sit ma setax jistabilixxi kuntatt mas-Sindku ta' San Pawl il-Baħar hekk kif ħadd ma beda jirrispondi t-telefonati. 

Il-Kunsill Lokali mistenni jeleġġi  Sindku ġdid li jifsser ukoll li l-PN se jkun tilef il-maġġoranza li kellu f'dan il-Kunsill. Fl-aħħar elezzjoni il-pn kien kiseb maġġoranza relattiva ta' 47.6%, filwaqt li l-PL kien kiseb 46.8% tal-voti. 

 

More in Politika