'Tajjeb li jkollna inċineratur, imma hemm mod u mod kif isiru l-affarijiet'
Imma l-Oppożizzjoni taqbel ma' inċineratur jew le? Il-Kelliem tal-PN għall-Ambjent Robert Cutajar jgħid li l-PN jaqbel ma' inċineratur imma jisħaq li l-proċess huwa 'vvizzjat'
minn Albert Gauci Cunningham
Il-gazzetta ILLUM għamlet numru ta' mistoqsijiet lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, Robert Cutajar, li sostna illi l-Oppożizzjoni qed tagħmel ħafna xogħol fuq is-suġġett u jsemmi Private Members' Bill dwar kif jista' jiżdied u jitqawwa sehem il-poplu fil-Bord tal-ERA, li jsostni illi matul l-aħħar snin ma kienx trasparenti biżżejjed. Ifakkar illi din il-Liġi ma sabitx l-appoġġ tal-Gvern, "minkejja li kien hemm tant għaqdiet li esprimew ruħhom favur, kif esprima ruħu favur ukoll l-eks PM Alfred Sant."
Cutajar qal illi l-Oppożizzjoni ressaq Private Members' Bill ukoll biex jieqaf dak li jsejjaħ "abbuż" mil-Liġi li tagħti l-possibilità - f'każi partikolari u ta' bżonn - li entità tal-Gvern ma ġġibx permessi qabel tagħmel xi xogħol. Huwa qal illi kien l-Ombudsman stess li f'diversi każi sab li xogħlijiet saru bla permess u bla rispett lejn il-wirt naturali ta' post, fosthom isemmi xogħlijiet f'Kemmuna, li kellhom jitwaqqfu u li għamlu ħsara lill-ambjent.
"X'jiġifieri jiġi Ministeru u jaqbad u jiddeċiedi li jgħaddi minn post u jitfa' l-konkos? Jew inkella li l-Ombudsman jinnota li sar abbuż u l-entitajiet tal-Gvern jinjorawh? Il-Gvern għandu jmexxi bl-eżempju," saħaq Cutajar.
Jipproponi aġenzija ċentrali dwar il-bidla fil-Klima
Intant dwar il-bidla fil-klima Robert Cutajar qal lill-gazzetta ILLUM li l-Gvern ma kellux għalfejn joqgħod jistenna l-COP26 biex jieħu azzjoni fuq din il-kwistjoni u jgħid li lanqas kellu għalfejn joqgħod jistenna l-aħħar baġit tal-leġiżlatura biex jagħmel dan.
Huwa jgħid li l-PN - jekk ikun fil-Gvern - iwaqqaf aġenzija ġdida li tkun ċentrali għal dak kollu li għandu x'jaqsam mal-miri ta' Malta fir-rigward tal-bidla fil-klima.
"U naturalment niddiksutu mal-industrija, għax l-industrija hija parti mis-soluzzjoni u nista' nserrħilhom rashom li mhu vera xejn li Gvern Nazzjonalista jdaħħal xi taxxa fuq il-karozzi," qal mal-ILLUM. Huwa sostna li ċ-ċavetta għas-soluzzjonijiet hija l-edukazzjoni.
"Filwaqt li tant pajjiżi li kienu fis-Summit ta' Glasgow ħadu inizzjattivi, il-Prim Ministru u l-Ministru Farrugia marru l-COP26 bl-aħħar baġit," qal Cutajar li kompla jistaqsi għalfejn il-Gvern qed jieħu d-deċiżjonijiet issa, għax obbligat u wara li ilu fil-Gvern disa' snin.
Cutajar ma jgħidx il-PN jaqbilx mas-separazzjoni tal-iskart fost in-negozji
U Cutajar jemmen li wasal iż-żmien li anke n-negozji jibdew jisseparaw l-iskart? Huwa ma weġibx b'mod dirett imma sostna li l-Oppożizzjoni lesta tiddiskuti ma' kulħadd, u mhux il-Gvern jattwa mingħajr konsultazzjoni.
Huwa mill-ewwel jaqbeż imbagħad għall-Bring In sites bħala eżempju ta' kif il-Gvern - skont hu - jiddeċiedi u ma jikkonsultax. Jgħid illi ħafna mill-bring in sites tneħħew u jistaqsi għaliex seħħ dan, ladarba l-abbuż jista' jiġi mnaqqas permezz ta' infurzar u anke kameras CCTV.
"Jew inkella l-Gvern itella' abbozz ta' Liġi quddiem il-Parlament u l-istakeholders interessati lanqas biss ikunu jafu biha. Din mhix aċċettabbli u Gvern Nazzjonalista jimxi mod ieħor."
'Il-proċess għall-proġett tal-inċineratur huwa vvizzjat'
Kwistjoni oħra li dwarha l-PN donnu ma jridx jieħu pożizzjoni ċara hija dwar l-inċineratur, bir-rappreżentant tal-istess partit quddiem l-ERA ma jivvotax fuq il-materja, għax iddikjara kunflitt ta' interess ftit qabel il-vot, kienet żvelat din il-gazzetta stess lura fis-26 ta' Settembru li għadda.
Cutajar iżda ma jaqbilx u jgħid li l-PN huwa kontra l-inċineratur "għall-mod kif sar il-proċess għax huwa proċess ivizzjat." Huwa jgħid li hemm numri u anke statistika li turi illi Malta ma għandhiex bżonn il-kobor tal-inċineratur li qed jipproponi l-Gvern u għalhekk staqsa għaliex il-Gvern qed imur għal tant kobor.
Huwa fakkar li l-inċineratur se jkollu bżonn sistema ta' cooling li se tiġi mill-baħar u qal li l-baħar viċin il-Magħtab huwa protett, filwaqt li stieden lill-gazzetta biex tara x'inhuma l-miri ta' dan il-proġett.
"Aħna konna morna fuq il-post meta l-bdiewa għamlu protesta u meta l-Gvern ried jgħaddi gaffa minn fuq kulħadd. Li pajjiż ikollu inċineratur huwa tajjeb, imma hemm mod u mod kif isiru l-affarijiet." Robert Cutajar
"Suppost dan l-inċineratur diġà beda jopera," qal Cutajar.
Il-Kelliem tal-PN temm jgħid li l-Gvern preżenti sa waqqaf il-proġett li kien se jibda Gvern Nazzjonalista għal post fejn jintrema' skart tossiku, liema skart qed ikollu jiġi esportat - proċess li jfakkar illi jiswa' ħafna flus.