'Se nibdew proġett pilota biex anke l-ħwienet u l-stabbilimenti jibdew jisseparaw l-iskart'
Minkejja li eluf u eluf ta' familji jissperaw l-iskart dan l-obbligu għadu ma jeżistix għal eluf ta' negozji u stabbilimenti kummerċjali. Il-Ministru Farrugia jindika bidla...
minn Albert Gauci Cunningham
L-ambjent sar is-suġġett fuq fomm ħafna nies u fost l-akbar tħassib fil-pajjiż bħalissa, speċjalment fost iż-żgħaħagħ. Skont sondaġġ ta' Ernst&Young - aktar kmieni din is-sena - disa' minn kull 10 żgħażagħ ta' bejn is-16 u l-25 sena jħossu li l-ambjent qed jiggrava filwaqt li 90% ta' dawk bejn 25 u 40 sena jemmnu l-istess. Skont sondaġġ ippubblikat nhar il-Ħadd li għadda fuq l-ILLUM 35.5% tal-Għawdxin huma inkwetati fuq il-"bini bla rażan" f'din il-gżira filwaqt li sondaġġ f'Ottubru fuq il-gazzetta Maltatoday juri illi l-ambjent huwa t-tielet l-akbar tħassib fost il-poplu b'21%.
Għalhekk il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni dwar dak li qed jagħmlu, jipproponu u jikkritikaw f'dan is-settur li qed jinwkieta tant u tant nies!
'Irridu nimbuttaw għal aktar estetika u żvilupp komprensiv'
Il-Ministru Aaron Farrugia jibda billi jispjega mal-ILLUM li l-Gvern għaddej fuq ħidma vasta u estensiva fuq l-ambjent, f'diversi oqsma u jelenka: Il-politika għat-tneħħija ta' speċi invażivi u aljeni għal Malta, politiki ġodda għall-Bidla fil-Klima u Green Public Procurement. Dwar tal-aħħar Farrugia sostna illi l-Gvern issa qed jara li kemm jekk huma l-karozzi kollha li jintużaw minn ħaddiema tal-Gvern jew prodotti, bħal żebgħa, li se jintużaw fuq binjiet tal-Gvern ikunu dejjem skont standards ambjentali mitlubin f'dan il-Green Procurement.
Huwa qal li l-Gvern għaddej b'konsultazzjoni dwar il-politika rurali tal-ODZ biex tinbidel dik tal-2014, filwaqt li qal ukoll illi l-Gvern ħabbar li qed jaħdem fuq politika li titratta l-estetika hekk kif isostni li l-akbar problema ta' ħafna nies mhix li qed ikun hemm bini ġdid, imma li l-bini ġdid huwa ikrah. Jisħaq ukoll li l-Gvern qed jara kif jista' - fejn possibbli - jevità dawk li jsejjaħ "pencil developments", fejn ikollok triq sħiħa li minnha jkollok biss żewġ blokok ta' appartamenti u l-oħrajn djar, għaliex is-sidien ma jkunux iridu jew ma jkollhomx il-mezzi biex iwaqqgħu u jibnu mill-ġdid. Farrugia spjega kif il-Gvern qed jara kif ikun hemm żvilupp komprensiv u fejn il-bini jkun ikrah, abbandunat u bla valur jinċentiva t-twaqqigħ tiegħu u li l-post jinbena mill-ġdid.
'Fuq quddiemnett fil-projbizzjoni tas-single use plastics'
Induru fuq il-plastik - wieħed mill-akbar għadu tal-ambjent, inkluż tal-ibħra, hekk kif huwa materjal li jdum ħafna biex jitkisser. Il-Ministru jfakkar illi l-Gvern pprojbixxa minn din is-sena stess il-bejgħ ta' single use plastics - jiġifieri oġġetti bħal frieket, skieken u anke kontenituri tal-plastik, ħafna drabi wżati għal xi BBQ jew picnic u li jintermew wara li jintużaw. "Fuq l-ambjent fl-aħħar 50 sena konna dejjem minn tal-aħħar fost il-pajjiżi tal-UE, bil-Kummissjoni tiġri warajna. Kuntent li qegħdin fuq quddiemnett fuq din il-kwistjoni, hekk kif konna l-ewwel pajjiż li pprojbixxa tali plastiks," sostna Farrugia.
Dwar il-bidla fil-klima - kwistjoni oħra li tiela' dejjem 'il fuq fl-aġenda politika u soċjali internazzjonali - il-Ministru jfakkar li Malta għandha obbligi ċari xi ssegwi, inkluż wara l-konferenza fi Glasgow. Huwa qal li Malta trid tnaqqas l-emmissjonijiet b'19% sal-2030, għalkemm fakkar li Malta hija wieħed mill-inqas pajjiżi li jniġġsu, speċjalment fid-dawl tal-fatt li diġà saret il-qalba għall-gass u tneħħa l-użu tal-faħam b'mod komplet filwaqt li l-ekonomija hija bbażata l-aktar fuq is-servizzi.
Għalfejn il-poplu jissepara l-iskart u n-negozji le?
Il-mistoqsijiet daru mbagħad fuq is-separazzjoni tal-iskart, Filwaqt li l-poplu qed jintalab jissepara l-iskart, eluf ta' negozji għadhom mhux qed jagħmlu dan. Għaliex?
Il-Ministru Farrugia jikkonferma li s-sitwazzjoni hija tali u li l-istabbilimenti kummerċjali ma għandhomx l-obbligu li jisseparaw l-iskart.
"Imbagħad ġiet il-pandemija u n-negozji talbuna biex apparti dik id-daqqa ma jiħdux daqqa oħra permezz ta' hekk. Fil-ġimgħat li ġejjin iżda se nkunu qed inħabbru proġett pilota ta' ġbir ta' skart separat minn negozji," ħabbar Farrugia.
Huwa qal li jinsab kuntent bir-rata li biha l-familji qed jisseparaw l-iskart għalkemm qal ukoll li l-isforzi jridu jiġu rdoppjati.
Kien hawn li fakkar fil-proġett tal-inċineratur, imsejjaħ Eco-Hive, u jfakkar li dan se jfisser 47,000 tunnellata ta' skart "illi kieku kien jintefgħu fil-miżbliet li jkomplu jikbru u jieklu aktar art u spazju. Minflok - permezz ta' dan l-impjant - se nkunu qed noħolqu biżejjed elettriku biex nixgħelu lil Għawdex u lill-Mellieħa f'daqqa."
'Meta sirt Ministru ddeċidejna li nwaqqfu l-politika tal-miżbliet'
U l-Magħtab, f'liema proċess tinsab?
Il-Ministru jgħid li l-Magħtab għad fadalla 20 sena biex tkun magħluqa b'mod komplet, hekk kif issa għaddew 20 sena mill-40 sena li tieħu miżbla ta' din il-kobor u snin biex tkun ħelset mill-gassijiet kollha fiha.
Huwa qal li meta sar Ministru, flimkien mal-PM Robert Abela, ġie deċiż li titwaqqaf il-politika tal-miżbliet li jfakkar illi hawn fil-Magħtab stess, l-Għallies, il-Qortin u anke Wied Fulija. "Issa naturalment il-fatt li l-Magħtab għad fadalla 20 sena oħra biex tagħlaq ma nista' nagħmel xejn dwarha, biss qed inkomplu naħdmu biex ikomplu jitnaqqsu l-irwejjaħ u allura l-inkonvenjent."
Farrugia jgħid li "mhux talli waqqafna l-miżbliet talli, illum f'Wied Fulija għandna park bis-siġar, tant sabiħ u qed nagħmlu l-istess fil-Qortin, f'Għawdex."
'Il-problema huma l-policies li saru mhux l-PA'
U finalment il-gazzetta tistaqsi dwar l-Awtorità tal-Ippjanar - waħda mill-aktar entitajiet li taqla' kritika fil-pajjiż hekk kif trid tiddeċiedi fuq żvilupp differenti, li ħafna drabi jkun kontroversjali ħafna.
Huwa jisħaq li l-kritika direttament lejn l-awrtorità, mhux tħares biżżejjed fit-tul għaliex - skont hu - li għandu jiġi kkritikat huma l-policies. Hawnhekk isemmi l-bidliet tal-2006 li jfakkar illi fissru illi art - kollettivament daqs is-Siġġiewi kollu - li ma kinitx għall-iżvilupp, f'daqqa waħda, infetħet għall-iżvilupp. "Jiġu jkellmuni nies dwar għalqa, li tidher għalqa, imma li ma jafux illi dik l-għalqa se tkun qed tinbena, minħabba d-deċiżjoni tal-2006."
Farrugia fakkar li kemm il-Prim Ministru u anke l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħidu li mhux se jmissu jew ibiddlu din id-deċiżjoni, li fil-fatt tkun tfisser riperkussjonijiet legali konsiderevoli jew inkella miljuni kbar f'kumpens.
Farrugia temm jgħid li kemm ilu Ministru, apparti dawk il-bidliet li diġà semma, hemm bidliet oħrajn li wettaq, fosthom il-Fuel Stations Policy, li jfakkar illi tfisser li daqshekk inbnew pompi tal-petrol ġodda - ħlief f'każi ta' rilokazzjoni.