Il-Parlament ta' Montenegro vvota favur li jinfetaħ Kumitat ta' Inkjesta sabiex jiġi nvestiga l-proġett tal-wind farm f’Mozura. L-istess ftehim li miegħu hemm involuti Enemalta u Yorgen Fenech.
Il-Fondazzjoni Daphne żvelat dan fi stqarrija nhar il-Ġimgħa, fejn qalet li l-proġett kien “implikat f’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni mill-bidu nett”.
Branka Bošnjak, il-Viċi President tal-Assemblea qal li l-investigazzjoni hija motivata mill-"fatt li dan huwa skandlu kbir ta’ korruzzjoni internazzjonali" u li "hemm evidenza importanti ħafna ta’ korruzzjoni ta’ miljuni ta’ dollari fil-proġett." Żied jgħid ukoll li dan il-kuntratt, ta' 12-il sena, se jiġi jiswa lill-istat €115 miljuni.
L-iskadenza tad-data għal Kumitat biex jilħaq deċiżjoni hija ta’ 120 jum minn meta tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni dwar l-inkjesta parlamentari.
Kif tidħol Malta f'dan kollu?
L-Enemalta investit f’dan il-proġett fl-2015 wara li kienet xtrat l-ishma mingħand Cifidex, kumpanija bbażata fis-Seychelles.
Investigazzjoni minn Reuters u The Times of Malta kienet żvelaw kif Yorgen Fenech, permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black, kienu għamlu profitt sostanzjali minn dan il-proġett.
Fil-fatt, skont ir-rapporti, Fenech allegatament għamel profitt ta’ €4.6 miljun mix-xiri tal-wind farm fil-Montenegro mill-Enemalta.
Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni.
Skont investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Dan ifisser li l-flus ta' Cidifex biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin mingħand Yorgen Fenech.
Ftit wara li l-Enemalta xtrat il-wind farm mingħand Cifidex, din tal-aħħar għaddiet €7.4 miljuni lill-kumpanija 17 Black, jiġifieri t-€3 miljuni li kienu għaddew qabel u profitt ta’ madwar €4.6 miljun.
Aqra ukoll: Il-Gvern tal-Montenegro se jinvestiga l-proġett tal-wind farm f’Mozura u li warajh hemm 17 Black