Il-Gvern tal-Montenegro se jinvestiga l-proġett tal-wind farm f’Mozura u li warajh hemm 17 Black
L-Enemalta investit f’dan il-proġett fl-2015

More in Politika
L-Enemalta investit f’dan il-proġett fl-2015
Il-Gvern tal-Montenegro se jkun qed jinvestiga l-proġett tal-wind farm f’Mozura.
Ikkonferma dan id-Deputat Prim Ministru tal-Montenegro, Dritan Abazovic li insista li bħala parti mill-ġlieda kontra l-korruzjzoni, il-Gvern qed jagħti prijorità u importanza lil din l-investigazzjoni u li fil-jiem li ġejjin se jibdew diskussjonijiet mal-awtoritajiet Maltin.
L-Enemalta investit f’dan il-proġett fl-2015 wara li kienet xtrat l-ishma mingħand Cifidex, kumpanija bbażata fis-Seychelles.
Investigazzjoni minn Reuters u The Times of Malta kienet żvelaw kif Yorgen Fenech, permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black, kienu għamlu profitt sostanzjali minn dan il-proġett.
Fil-fatt, skont ir-rapporti, Fenech allegatament għamel profitt ta’ €4.6 miljun mix-xiri tal-wind farm fil-Montenegro mill-Enemalta.
Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni.
Skont investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Dan ifisser li l-flus ta' Cidifex biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin mingħand Yorgen Fenech.
Ftit wara li l-Enemalta xtrat il-wind farm mingħand Cifidex, din tal-aħħar għaddiet €7.4 miljuni lill-kumpanija 17 Black, jiġifieri t-€3 miljuni li kienu għaddew qabel u profitt ta’ madwar €4.6 miljun.