Ir-raġuni tirbaħ! Alex Dalli jissospendi lilu nnifsu wara laqgħa mal-Ministru Byron Camilleri

Dan wara li dalgħodu seħħet mewta oħra fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin

Id-Direttur tal-ħabs, Alex Dalli ssospenda lilu nnifsu minn Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u għalhekk minn Direttur tal-ħabs.

Fi stqarrija mill-Gvern, intqal li s-sospensjoni daħlet fis-seħħ b’effett immedjat wara laqgħa mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri iktar kmieni dalgħodu.

Dan wara li matul il-lejl li għadda, persuna oħra għamlet suwiċidju fil-ħabs. Ir-raġel Indjan huwa l-erbatax-il vittma fi żmien it-tmexxija preżenti tal-ħabs.

Immedjata kienet ir-risposta ta' diversi organizzazzjonijiet li talbu għat-tkeċċija immedjata ta' Dalli.

"L-inkjesta ministerjali dwar l-operat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn tim ta’ professjonisti li bdiet numru ta’ ġimgħat ilu għadha għaddejja, liema inkjesta għandha sservi ta’ bażi għal iktar riformi ħolistiċi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin," saħqet l-istqarrija.

Ta' min ifakkar li bħalissa, il-Pulizija qed tinvestiga l-istorja li ppubblikat il-gazzetta ILLUM, jiġifieri li d-Direttur tal-ħabs Alex Dalli, allegatament, ġieli hedded priġunieri b'arma tan-nar. Ikkonferma dan l-eks gwardjan Emmanuel Cassar.

Kampanja: Inwaqqfu l-ħniżrijiet f'Kordin

Alex Dalli u Randolph Spiteri, l-Assistent tiegħu, qed jippruvaw jagħlqu ħalq il-gazzetta ILLUM b'libell. Dawn jiswew il-flus. L-edituri u l-ġurnalisti għandhom bżonn is-sostenn tagħkom. Din mhijiex biss ġlieda tal-gazzetta ILLUM imma hija ġlieda favur id-dinjità umana u kontra l-ħniżrijiet li għaddejin f'Kordin. Ibgħatu d-donazzjonijiet tagħkom lill-gazzetta ILLUM. Tistgħu tagħmlu dan permezz ta' trasferiment fil-kont b'dawn id-dettalji:

Benefiċjarju:    MediaToday Company Ltd                           

Bank:         Bank of Valletta p.l.c.                         

SWIFT Code:  VALLMTMT                           

IBAN: MT71VALL22013000000040013525383

jew inkella permezz ta' ċekk, indirizzat lil MediaToday Ltd, fuq dan l-indirizz: Mediatoday Ltd. Vjal ir-Rihan San Gwann, SGN9016. 

Il-gazzetta ILLUM għaddejja wkoll b’kampanja illi permezz tagħha qed titlob lin-nies; lil dawk li kienu l-ħabs, lil dawk li għandhom xi ħadd jiġi minnhom li jinsab jew li jaħdem fil-Ħabs jew inkella lil dawk li jaħdmu mal-priġunieri jew inkella l-priġunieri infushom, biex jitkellmu dwar esperjenzi li għaddew minnhom jew li raw fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Il-vuċi tagħkom magħna tista' tbiddel l-affarijiet, fejn dawn mhux qed isiru sew! Għalhekk nistednukom biex tibgħatu email fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella iċċemplu fuq in-numru 21382741/ 3 jew 21382745 / 6. 

L-identità tagħkom tibqa' waħda kunfidenzjali jekk intom titolbu għal dan.

More in Politika