Eks Gwardjan jitkellem dwar Alex Dalli: ‘Daħħal l-arma f’ħalq priġunier ... jekk mhux se toqgħod ta’ nies, naħliha fuqek'

Emmanuel Cassar, eks gwardjan tal-ħabs li ngħata raġun mill-Ombudsman jitkellem mal-ILLUM dwar dak li ra fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u ddwar id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli li jibqa' jirrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-gazzetta...

 

Emmanuel Cassar, eks Gwardjan tal-Ħabs
Emmanuel Cassar, eks Gwardjan tal-Ħabs

“Mar fuq priġunier, daħħallu l-arma f’ħalqu u wissih: jekk mhux se toqgħod ta’ nies, din fuqek naħliha.” Dan huwa każ ieħor li fiċ-ċentru tiegħu hemm id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli. Din id-darba, is-sors li tkellem mal-gazzetta ILLUM huwa eks gwardjan li mhux jiddejjaq juri wiċċu.

Emmanuel Cassar kien tkeċċa “b’mod inġust” f’Marzu tal-2019 (ara aktar ‘l isfel).

“Qed nitkellem mhux minħabba dak li għamlu lili biss, imma anke minħabba dak li qed jagħmlu lill-priġunieri. Jekk se nigdeb, jagħmluli libell,” insista.

Cassar ħadem taħt diretturi differenti u fi kliemu ħadd minnhom, ħlief Dalli ma kienu jżommu l-arma tan-nar fuqhom. “Iżomm l-arma fuq ġenbu, f’pocket kannella.”

Irrakkonta każ li ra jseħħ quddiem għajnejh, meta Dalli mar fuq priġunier daħħallu l-arma f’ħalqu u beda jheddu. 

“Kont mad-Direttur f’Diviżjoni 15. Il-priġunier huwa kiesaħ vera, imma ħadd ma ħaqqu hekk,” kompla Cassar u dan ma kienx każ iżolat.

Armati bil-lembuba u t-tarka

Tkellem ukoll fuq l-ispezzjonijiet li jsiru fiċ-ċelel. Fi kliemu, qabel żmien Dalli, il-gwardjani ma kinux ikunu armati qishom ġejja xi gwerra.

“Meta ġie Dalli, ried rewwixta biex joħdilhom kollox. Dan kliemu u mhux kliemi,” insista.

Skont Cassar, fuq ordni tad-Direttur, kienu jmorru jagħmlu l-ispezzjonijiet armati bil-lembuba f’idhom u bit-tarka, l-istess kif ikunu l-Pulizija ta’ kontra r-rewwixti.

“Aħna konna nibqgħu armati barra ċ-ċella u tnejn jidħlu jfittxu. Għaliex ried hekk? Mhux biex jipprovoka. Priġunier li għandu 20 sena hemm ġew, se jaħsibha darbtejn?,” kompla jisħaq.

Kompla jirrakkonta kif darba minnhom marru fid-diviżjoni tan-nisa. Qal li kien hemm priġuniera li kienet tbati b’ħafna ansjetà, għax din kienet imsawwta u anke abbużata minn missierha. Irrakkonta kif meta fetħu ċ-ċella u rathom armati, qabdet twerżaq għax twerwret kif rathom liebsa kollha bl-iswed, armati u uħud b’wiċċhom mgħammad.

“Sema’ l-għajjat u ġie. Daħlilha l-arma f’ħalqha biex tieqaf,” kompla jirrakkonta.

L-ILLUM staqsietu jekk qattx intalbu jew ingħataw struzzjonijiet biex jużaw il-lembuba. Wieġeb fil-pożittiv. “Jien qatt ma sawwatt fuq ordni tiegħu imma ħaddieħor iva.” Saħansitra semma priġunieri li ssawtu malli daħlu l-ħabs.

Semma wkoll każ li fih kienet involuta priġuniera li kienet tbati bi problemi ta’ saħħa mentali u li meta rritornat il-ħabs, wara żmien tingħata kura fl-Isptar Monte Karmeli, spiċċaw jgħaddu ż-żmien biha, partikolarment l-Assistent Direttur Randolph Spiteri.

Is-siġġu ħadmuh il-priġunieri

Staqsejnih dwar is-siġġu tal-kastig li żvelat il-gazzetta ILLUM u li sa din il-ġimgħa stess smajna dwaru. Qal li dan inħadem il-ħabs stess, mill-priġunieri “tal-qalba.”

“Rajtu jintuża s-siġġu. Jitpoġġa fis-central hall, biex jidher minn erba’ diviżjonijiet. Dalli jrid iwerwer lill-priġunieri għax mingħalih li b’daqshekk min joħroġ mill-ħabs mhux se jerġa’ jidħol,” kompla Cassar. 

Semma wkoll kif anke l-ftit possessjonijiet li għandhom il-priġunieri qed joħdilhom, inkluż televiżjonijiet żgħar li jkunu ġabulhom tal-familja.

“Jagħmel dan b’vendikazzjoni u mhux b’kastig. Ma tista’ toħdilhom xejn,” insista. 

Imneżża’ għarwiena u msawwta

Irrakkonta wkoll dak li seħħ lis-16-il immigrant li f’Ottubru tal-2019 iddaħħlu l-ħabs wara l-involviment tagħhom “fir-rewwixta” fiċ-ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Far. 

Dak iż-żmien Cassar kien diġà mkeċċi, imma qalulu gwardjani li baqgħu ħbieb tiegħu. Irrakkontawlu kif malli waslu l-ħabs, quddiem id-Direttur stess, dawn tneżżgħu għarwiena u ġew imsawwta. 

“F’Diviżjoni 6 hemm biss ftit ċelel. Wieħed rieqed fuq sodda u tnejn mal-art,” insista.

Malli ddaħħlu fid-Diviżjoni 6, ittieħdu fil-bitħa, reġgħu tneżżgħu għarwiena u ngħataw xeba’ pajp b’ilma friżat. Din l-informazzjoni kkonfermawha sorsi oħra.

Qal ukoll li mhuwiex minnu li l-priġunieri l-ġodda qed jiddaħħlu f’Diviżjoni 6 minħabba l-kwarantina. Insista li meta tkeċċa hu ma kienx hemm pandemija u l-priġunieri l-ġodda, diġà kienu bdew jintefgħu “kastig” f’din id-Diviżjoni.

“Id-dixxiplina sabiħa. Kien hemm bżonn dixxiplina anke fuq il-priġunieri,” qal iżda saħaq li żżejjed kollu żejjed. “Il-ħażen mhux fost il-priġunieri biss qiegħed.”

Insista wkoll li malli wasal Dalli, żdied id-distakk bejn il-priġunier u l-gwardjan.

“Kienu jitkellmu magħna fuq problemi tagħhom. Kienu jiftħu qalbhom. Illum ma jafdawkx,” temm jisħaq. “Il-ħabs ħadu lura għal żmien il-medjuevu. Kollox iswed. Ħitan suwed. Bibien suwed. Ried militar.” 

L-Ombudsman iddikjara li tkeċċija ta’ Cassar kienet ‘inġusta’ u ‘inumana’

Cassar kien skjett mal-ILLUM. Ammetta minnufih li kien hemm drabi fejn żbalja, iżda saħaq ukoll li dak li għamlu lilu kien inġust u tah raġun ukoll anke l-Ombudsman.

Fil-fatt, Cassar tkeċċa minn Dalli wara sensiela ta’ trasferimenti minkejja li, fi kliemu, hu dejjem ħadem u dejjem kien irrispettat minn diretturi oħra. 

Il-gazzetta ikkonsultat ir-rapport tal-Ombudsman biex tqabbel il-fatti u kull ma’ qal Cassar kien veritier. Kienet telefonata mal-Assistent Direttur tal-ħabs Randolph Spiteri, fuq qmis bajda tal-uniformi, li waslet biex Cassar tkeċċa.

Jidher li kien hemm nuqqas fid-distribuzzjoni tal-ħwejjeġ tal-uniformi li Cassar ma kellux kontroll fuqu, iżda fi kliemu stess “riedu jaqbdu miegħu.” Spiteri ħassu mhedded meta Cassar qallu: “ħallini bi kwieti għax inkella mmur fejn għandi mmur.”

Minħabba f’hekk, Cassar spiċċa quddiem Bord tad-Dixxiplina u nstab ħati li mexa b’imġieba bla rispett lejn il-kollegi. Ta’ min isemmi li Cassar kien diġà rċieva twissija ta’ tkeċċija fis-sena ta’ qabel (wara deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku) minħabba l-każ personali li kellu meta kien ikkundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin.

Madanakollu l-Ombudsman ikkonkluda li t-tkeċċija kienet inġusta għal diversi raġunijiet. Tefa’ dubju fuq l-indipendenza tal-Bord tad-Dixxiplina u qal hekk: “Bord li jiġi kompost minn uffiċjali tal-korp li huwa mmexxi mill-persuna stess li tat bidu għall-proċedura ma jagħtix garanzija tal-ġustizzja.”

Ikompli: “Ma kienx indipendenti, ġie istitwit mid-Direttur Ġenerali nnifsu, il-membri tiegħu kienu jiddependu u jirrispondu lilu u b’konsegwenza ta’ dan, il-complainant (Cassar) qatt ma’ seta jkollu aspettativa li miegħu ssir ġustizzja.”

L-Ombudsman fakkar li fi żmien it-tkeċċija, Cassar kien marid serjament. Minkejja dan, ftit xhur biss qabel temm il-25 sena servizz, Cassar spiċċa bla pensjoni. “Il-piena li rċieva kienet waħda inġusta u li tmur kontra l-prinċipji umanitarji li dan il-pajjiż huwa obbligat li josserva.”

Minkejja dan u minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, sal-lum Cassar għadu mhux jingħata l-pensjoni u għadu qed jiġġieled il-każ tiegħu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Intant, il-mistoqsijiet li l-ġimgħa li għaddiet ġew mibgħuta lil Alex Dalli u lill-Ministru baqgħu mhux imwieġba. 

Il-mistoqsijiet mibgħuta lil Dalli kienu dawn:

  • Sorsi mill-ħabs qalulna li inti kontinwament timxi fil-kurituri tal-ħabs armat b’arma tan-nar? Tikkonferma dan? Taħseb li dan huwa neċessarju? 
  • Qalulna wkoll li ta’ sikwit, toħroġ fil-bitħa u tispara fuq il-ħamiem? Tikkonferma dan?
  • Huwa minnu li fuq struzzjonijiet tiegħek, hemm ħitan fil-ħabs li qed jinżebgħu suwed? Għaliex tajt din l-istruzzjoni? 
  • Minnu li l-priġunieri jispiċċaw b’kastig għal kull ħaġa ta’ xejn? Pereżempju minnu li jekk jonxru u ma jneħħux il-ħwejjeġ fil-ħin, dawn taqbdu u tarmuhom? 
  • Kull gwardjan tal-ħabs, għandu aċċess għall-bnadi kollha tal-Faċilità? Huwa minnu li hemm gwardjani li ma jitħallew qatt jidħlu f’Diviżjoni 6? 
  • Ma taħsibx li għandek terfa’ responsabbilità għall-imwiet li seħħew fil-ħabs fi żmien kemm ilek tmexxih?

More in Politika