L-FATF b'tifħir lejn 'progress tajjeb' li qed tagħmel Malta biex toħroġ mil-Lista l-Griża

Il-President tal-FATF ifaħħar l-passi tajbin li qed tagħmel Malta u jħeġġeġ lill-Gvern biex ikompli f'din it-triq għalkemm jgħid li għad fadal xi jsir...

L-FATF kellha kliem ta' tifħir għall-progress ta' Malta fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, bil-President tal-istess FATF Marcus Pleyer jgħid li "Malta għamlet progress tajjeb fuq il-pjan ta' azzjoni tagħha." Huwa semma' l-impożizzjoni ta' aktar penali u multi f'każi fejn persuna iddaħħal informazzjoni żbaljata fuq Ultimate Beneficial Ownership ta' kumpanija. 

Pleyer faħħar ukoll l-għoti ta' aktar intelliġenza finanzjarja lill-Korp tal-Pulizija f'dak li jirrigwarda ħasil ta' flus, b'aktar investigazzjonijiet ta' ħasil ta' flus.

Minkejja dan Pleyer jgħid ukoll, li għad fadal xi jsir biex Malta toħroġ minn din il-Lista l-Griża hekk kif l-ebda pjan ta' azzjoni ma kien indirizzat b'mod mill-aktar estensiv. Għalhekk Pleyer ħeġġeġ lill-Gvern Malti biex ikompli bit-titjib u jindirizza l-kwistjonijiet kollha tal-Pjan ta' Azzjoni maqbul miegħu. 

Malta tpoġġiet fuq il-Lista l-Griża  lura f'Ġunju 2021 wara vot kontra Malta mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja. Id-deċiżjoni kienet ittieħdet minkejja li Malta għaddiet mit-test tal-Moneyval wara li daħlet fis-seħħ diversi rakkomandazzjonijiet li sarulha.

 

More in Politika