Malta l-ewwel pajjiż fl-UE li jitpoġġa fuq il-lista l-griża

Din id-deċiżjoni jista' jkollha riperkussjonijiet serji fuq l-ekonomija u l-impjiegi

Malta hija l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tpoġġa fuq il-lista l-griża wara l-vot li ttieħed illum mid-39 membru tal-Financial Action Task Force (FATF), deċiżjoni li jista' jkollha riperkussjonijiet serji fuq l-ekonomija u l-impjiegi, partikolarment is-setturi tas-servizzi finanzjarji u dak bankarju.

Jidher li l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja kienu r-raġuni wara l-fatt li Malta spiċċat fuq il-lista l-griża. 

Id-deċiżjoni ttieħdet minkejja li Malta għaddiet mit-test tal-Moneyval wara li daħlet fis-seħħ diversi rakkomandazzjonijiet li sarulha.

Fl-aħħar tmien snin, diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mill-amministrazzjoni Laburista ma niżlu xejn tajjeb mal-komunità internazzjonali, b'ħafna jakkużaw lil Malta li llaxkat fejn jidħol il-ħasil tal-flus.

Malta kienet ikkritikata wkoll minħabba l-programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment, ikkundanat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

Dan biex ma nsemmux il-kwistjoni li ddur madwar il-Panama Papers u n-nuqqas ta' azzjoni mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat kontra Keith Schembri, l-id il-leminija tiegħu u anke l-Ministru Konrad Mizzi.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien il-Ġermanja jipprova jikkonvinċi li Malta ħadmet, tul dawn l-aħħar sena u nofs biex issaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra l-ħasil tal-flus.

Saħaq ukoll li "motivi politiċi ulterjuri" jistgħu jkunu wara dan il-vot.

L-FATF hija organizzazzjoni internazzjonali li taħdem biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u anke l-finanzjament tat-terroriżmu.

Xi jfisser li tispiċċa fuq il-lista l-griża?

  • L-investiment jsir aktar diffiċli
  • Kummerċ ma’ pajjiżi bid-dollaru jsir diffiċli ħafna
  • Aktar skrutinju għal kull kumpanija li tagħmel negozji f’Malta

Aqra wkoll:

More in Politika