Malta tgħaddi mit-test kruċjali tal-Moneyval wara vot favorevoli fil-Kunsill Ewropew

Ftit ġimgħat biss wara li l-gazzetta ILLUM indikat illi Malta se tgħaddi mit-test tal-Moneyval, vot favorevoli fil-Kunsill Ewropew illum ...

Ftit ġimgħat biss wara li l-gazzetta ILLUM indikat illi Malta se tgħaddi mit-test tal-Moneyval, vot fil-Kunsill Ewropew illum, wassal biex formalment Malta tgħaddi minn dan it-test kruċjali.

Il-Moneyval - li hija l-qafas responsabbli mill-ħasil ta' flus tal-Kunsill Ewropew - kienet ippubblikat rapport diġà dwar il-progress ta' Malta fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet mogħtija minnha.  Fir-rapport il-Moneyval kienet irrikonoxxiet illi l-awtoritajiet Maltin kienu fehemu x'inhuma l-vulnerabbilitajiet tas-sistema imma qalet ukoll li hemm bżonn isir aktar biex Malta tieħu l-passi neċessarji kontra persuni mdaħħlin f'reati ta' ħasil ta' flus. 

L-MEP Laburista Alex Agius Saliba kien l-ewwel wieħed li rreaġixxa u qal li nfaqgħet bużżieqa oħra f'wiċċ il-Partit Nazzjonalista.  U iktar tard wara nofsinhar rreaġixxiet ukoll il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, li ddeskriviet l-istorja bħala waħda eċċezzjonali

Fl-aħħar xhur kien hemm fil-fatt, żewġ gruppi kbar ta' arresti marbutin ma' ħasil ta' flus.

Lura f'Novembru l-Pulizija interċettaw 36 vettura, €60,000 u 15-il persuna ġew arrestati f'jumejn b'rabta ma' ħasil ta' flus.  Apparti dan, ġew interċettati wkoll ammont konsiderevoli ta’ ġojjellerija u ħwejjeġ tad-ditta, apparat elettroniku li jinkludu fost oħrajn mobiles, kompjuters, servers u ammont kbir ta’ dokumenti li ġew analizzati.  Tnejn mill-ħames minn nies imressqin il-Qorti huma Gordon Debono u martu Yvette, fuq akkużi ta' ħasil ta' flus li jlaħħaq il-miljuni kbar ta' ewro.  Irriżulta li dawn it-tnejn huma marbutin ma' 11-il kumpanija.

Intant kienu tressqu l-Qorti wkoll, l-eks footballers Darren Debono u Jeffrey Chetcuti. 

Ġimgħat ilu tressqu 11-il persuna fosthom Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini, Katrin Bondin Carter, Manuel Castgna  - minn Nexia BT - u Vince Buhagiar eks Chairman tal-Allied Newspapers, filwaqt li mistenni jitressaq ukoll Adrian Hillman.  Dawn ġew akkużati b'diversi reati differenti, fosthom frodi u ħasil ta' flus.

 Kieku fallejna,dan it-test, Malta kienet titpoġġa fil-lista l-griża, daqqa mortali għall-ekonomija tal-pajjiż. 

Issa jmiss l-FATF ...

Dan ma jfissirx li l-proċess spiċċa hawn, hekk kif issa jeħtieġ li r-rapport tal-Moneyval dwar Malta jgħaddi għall-aħħar iskrutinju:  Dak tal-Financial Action Taskforce (FATF). 

L-FATF hija magħmula minn 37 ġurisdizzjoni u żewġ organizzazzjonijiet reġjonali - li fosthom ikun hemm il-Kummissjoni Ewropea. 

More in Politika