Konrad Mizzi jerġa' ma jitlax jixhed quddiem il-PAC li qed jiddiskuti l-proġett tal-Electogas

Din kienet it-tieni darba f'xahar li Mizzi rrifjuta li jidher quddiem dan il-Kumitat

Għat-tieni darba, id-Deputat Konrad Mizzi naqas milli jitla' jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi dwar l-proġett kontroverjali tal-Electrogas.

L-ewwel darba li kellu jixhed, kien fis-6 ta' Ottubru.

Dakinhar Mizzi kien qal fuq Facebook li mhux se jmur jixhed għax fi kliemu dan “l-eżerċizzju mhu xejn ħlief attakk partiġġjan fuq il-proġett għal qalba mill-enerġija ibbażata fuq il-Heave Fuel Oil għal enerġija ibbażata fuq gass u sorsi rinovabbli.”

Madanakollu, wara din is-seduta, id-Deputati tal-PL u anke tal-PN kienu qablu li jerġgħu jsejħulu biex jitla' jixhed, fis-seduta li kellha ssir illum.

Iżda Mizzi reġa' ma marx u informa lill-Kumitat, b'ittra, li mhux se jagħmel dan għax, fost oħrajn din kienet "proċedura normali."

Beppe Fenech Adami, iċ-Chairperson tal-Kumitat insista li dan mhuwiex minnu u fakkar f'eżempji meta Deputati marru jixhdu quddiem dan il-Kumitat, inkluż hu nnifsu.

Id-Deputat Karol Aquilina talab li l-Kumitat jagħmel proposta għall-mozzjoni biex ikun il-Parlament li jordna lil Mizzi biex jixhed. Madanakollu, id-Deputati tal-Gvern qalu li xi ħaġa bħal din qatt ma seħħet u insistew li għandu jkun hemm ruling mill-Ispeaker dwar dan.

Wara botta u risposta bejn Fenech Adami u l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield, ittieħed vot fuq il-proposta ta' Aquilina, liema proposta waqgħet wara li l-membri kollha tal-Gvern ivvutaw kontra.

Konrad Mizzi, implikat fil-Panama Papers kien tkeċċa mill-Partit Laburista fl-2020 wara li kien ġie żvelat l-iskandlu tal-windfarm tal-Montenegro u r-rabta bejn l-investiment tal-Enemalta u l-kumpanija 17 Black ta' Yorgen Fenech.

Ta' min ifakkar ukoll li l-kumpanija ta' Mizzi fil-Panama kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpanija ta' Yorgen Fenech 17 Black, li fiha daħlu eluf ta' ewro, fosthom mill-aġent lokali tat-tanker tal-gass, li huwa parti essenzjali mill-powerstation tal-Electogas.

Yorgen Fenech illum huwa akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u b'akkużi oħra fosthom ta' ħasil ta' flus.

More in Politika