Rapporti jallegaw profitti ta' miljuni għal Yorgen Fenech mix-xiri ta' wind farm fil-Montenegro

Midja lokali u barranija jirrappurtaw kif is-suspettat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, kien ħa €4.6 miljun minn xiri ta' wind farm fil-Montenegro mill-Enemalta

Yorgen Fenech
Yorgen Fenech

Is-suspettat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech allegatament għamel profitt ta' €4.6 miljun permezz tal-kumpanija tiegħu reġistrata d-Dubaj, 17 Black, mid-deċiżjoni tal-Enemalta li tixtri wind farm fil-Montenegro. 

Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol  - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni.  €4.6 miljun minnhom huwa allegat li baqgħu f'17 Black bħala profitt għal Yorgen Fenech.  Din l-informazzjoni ħarġet dalgħodu minn investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, bl-istess rappurtaġġ jgħid illi €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Jiġifieri l-flus ta' Cidifex  biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech.

Cidifex hija kumpanija reġistrata fil-gżejjer tas-Seychelles

Il-kumpanija 17 Black kienet żvelata bħala target client tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville, kumpaniji fil-Panama miftuħin minn Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament.  L-istess Reuters u The Times bħala Daphne Project, kienu irrappurtaw kif  - allegatament - kienu għaddew mal-$1.4 miljun minn Rufat Baratzada - security f'sit ta' kostruzzjoni fl-Ażerbajġan - lejn 17 Black, filwaqt li allegatament għaddew ukoll $200,000 għal 17 Black mill-aġent tat-tanker tal-gass f'Delimara, xi ħaġa li dan ċaħad.

Meta Carauna Galizia kienet bdiet tindika li għandha informazzjoni dwar 17 Black, din il-kumpanija biddlet isimha għal Wings Development.

Minkejja dan sa issa m'hemm ebda prova li dawn il-flus kienu laħqu għaddew f'Hearnville u Tillgate u lanqas hu magħruf iżda x'sar minn dawn l-€4.6 miljun.  Noor Bank kien għalaq il-kontijiet ta' 17 Black u  $1.6 miljun lil Yorgen Fenech għax ħadd ma talab l-iffriżar ta' dawn il-flus, kien qal il-Kap tal-FIU tal-UAE.

Intant l-eks Ministru Konrad Mizzi kien mar diversi drabi il-Montenegro - fatt li ħareġ minn rapport leaked mill-FIAU.  Huwa kien preżenti l-Montenegro jumejn wara li sar dan il-ftehim u kien uża l-kard personali tiegħu biss, biex saret tranżazzjoni ta' ċenteżmu wieħed.  L-FIAU kienet qalet li dan allura sar biex Mizzi jiċċekkja l-kard kinitx valida. 

Mizzi għal diversi drabi ċaħad mhux biss li ma kellux rabta ma' 17 Black imma anke li qatt kien jaf ta' min hi.  Minn naħa l-oħra Keith Schembri kien ammetta li din il-kumpanija kienet parti mill-business plan tiegħu.

More in Politika