Von der Leyen tinsisti li Malta għandha twaqqaf il-bejgħ tal-passaporti

Von der Leyen qalet dan waqt konferenza fi tmiem iż-żjara tagħha f'Malta u li matulha approvat il-pjan Malti għall-irkupru wara l-pandemija li faħħritu ħafna partikolarment minħabba l-miri ambjentali tiegħu

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen qalet li l-Programm Malti għaċ-Ċittadinanza b'Investiment, li rreferiet għalih bħala l-programm tal-bejgħ tal-passaporti, għandu jitwaqqaf minnufih.

Hija qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Barakka ta' Fuq meta kienet qed twieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, fi tmiem iż-żjara qasira tagħha f'Malta li matulha approvat il-pjan Malti għall-irkupru wara l-pandemija u ppreżentat lill-Gvern l-ewwel fondi.

Von der Leyen kellha kliem ta' tifħir għal dan il-pjan, partikolarment minħabba l-miri ambjentali li fih. Malta mistennija tieħu €316-il miljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, von der Leyen qalet li tul id-diskussjonijiet li jkunu għaddejin mal-Gvern Malti, inkluż fil-laqgħa ta' qabel il-konferenza, tqajjem is-suġġett dwar il-bejgħ tal-passaporti waqt li fakkret li Malta għandha żżomm f'moħħha li permezz ta' dan il-programm, qed tagħti aċċess, lil min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija, għall-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea.

Intant il-President tal-Kummissjoni Ewropea qalet li se tkun qed iżżur is-sit fejn inqatlet Daphne Caruana Galizia u se tkun qed titkellem ukoll mal-familja.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin, quddiem il-Parlament, se jkun qed jitressaq l-abbozz ta' liġi kontra l-iSLAPP, bil-għan li l-midja u l-kmamar tal-aħbarijiet ikunu protetti minn każijiet fil-Qorti jew libelli li jkunu jridu biss iġibuhom daharhom mal-ħajt finanzjarjament.

Dwar il-pjan ta' rkupru, il-Prim Ministru spjega kif wieħed mill-oqsma ewlenin li se jkun qed jaħdem fuqu huwa d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport. Fil-fatt, parti minn dan il-pakkett finanzjarju se jkun iddedikat għall-eletrifikazzjoni ta' karozzi privati u anke d-dekarbonizzazzjoni ta' vetturi fis-servizz pubbliku.

Qabel il-konferenza, il-President tal-Kummissjoni Ewropea żaret l-Aġenzija Maltija għall-Informazzjoni u t-Teknoloġija (MITA) u filwaqt li faħħret il-ħidma li saret fl-aħħar sena biex tiżdied is-sigurtà ċibernatika, qalet li din se tkun kruċjali fil-futur diġitali tal-pajjiż.

Qalet ukoll li tinsab kuntenta li 25% mill-fondi li Malta ħadet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkunu ddedikati għat-tranżazzjoni diġitali, fosthom biex aktar negozji jaġġornaw il-ħidma tagħhom. 

Issa jmiss biss li l-pjan Malti għall-irkupru jkun approvat mill-Kunsill tal-Ewropea. Malli jkun approvat, ir-riformi kollha ppjanati u anke l-investimenti mħabbra, ikunu jistgħu jiġu implimentati.

Ilbieraħ, von der Leyen indirizzat lill-Parlament Ewropew u faħħret riformi li daħħlet Malta biex issaħħaħ is-Saltna tad-Dritt.

More in Politika