Il-President tal-Kummissjoni Ewropea tfaħħar riformi li saru f'Malta biex tissaħħaħ is-Saltna tad-Dritt

Ursola von der Leyen, fl-aktar diskors importanti tagħha, faħħret riformi li implimentat Malta partikolarment dawk il-qasam tal-ġudikatura

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen faħħret lil Malta għar-riformi li implimentat biex issaħħaħ is-Saltna tad-Dritt u dan waqt l-aktar diskors importanti tagħha, magħruf bħala State of the European Union.

Matul dan id-diskors annwali li jsir fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea tispjega l-ħidma li tkun twettqet mill-Kummissjoni u anke l-pjanijiet tagħha għas-sena li ġejja.

Tul id-diskors tagħha, von der Leyen irreferiet ukoll għal Daphne Caruana Galizia u sejħet għal aktar protezzzjoni għall-ġurnalisti.

“Il-ħarsien tas-Saltna tad-Dritt mhux biss xi għan nobbli, iżda huwa wkoll xogħol iebes u ġlieda kontinwa għat-titjib,” insistiet il-President tal-Kummissjoni.

Kien hawn li faħħret ir-riformi li implimentat Malta, partikolarment fil-qasam tal-ġudikaturau anke r-riformi li implimentat l-Islovakkja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. 

Dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti, il-President qalet li l-Kummissjoni se tkun qed tintroduċi liġi ġdida li l-għan tagħha se jkun il-ħarsien tal-ġurnalisti.

“Qed jiġu attakkati ġurnalisti sempliċement għaliex ikunu qed jagħmlu dmirhom. Xi wħud jiġu mhedda u msawta, oħrajn traġikament jinqatlu. Fil-qalba tal-Unjoni Ewropea tagħna. Hawnhekk nixtieq insemmi xi wħud. Daphne Caruana Galizia, Jan Kuciak. Peter de Vriesm” qalet.

Insistiet li anke jekk is-sitwazzjoni tagħhom kienet differenti, kollha kemm huma ġġieldu għad-dritt tal-informazzjon u mietu għal dan.

Il-pandemija u immigrazzjoni

Tkellmet ukoll dwar kwistjonijiet bħalma huma l-pandemija u anke l-immigrazzjoni.

Dwar it-tilqim, von der Leyen qalet li huwa importanti li r-rati tat-tilqim, fl-Istati Membri, jkomplu jiżdiedu.

“Għandna 1.8 biljun doża addizzjonali miksuba ... Ejjew nagħmlu dak kollu possibbli biex niżguraw li din ma tinbidilx f'pandemija ta' dawk mhux imlaqqma,” insisiet il-President tal-Kummissjoni.

Dwar l-immigrazzjoni, insistiet li wasal iż-żmien li l-Parlament Ewropew japprova politika Ewropea ta' ġestjoni tal-migrazzjoni u ħeġġet lill-Parlament biex iħaffef dan il-proċess.

Is-seduta importanti tal-lum tmexxiet mill-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola hekk kif il-President David Sassoli jinsab ma jiflaħx.

More in Politika