Attivitajiet tal-massa se jiddependu mis-suċċess ta' avvenimenti pilota li se jsiru dax-xahar

Il-proġetti piloti se jinvolvu avvenimenti ta' 300 ruħ bilwieqfa u skont ir-riżultati li joħorġu, il-Gvern imexxi pjan ta' rilaxx avvanzat ta' miżuri

Attivitajiet tal-massa b'mod speċjali dawk relatati max-xhur tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena se jkunu jistgħu jsiru biss jekk l-avvenimenti piloti jkunu ta' suċċess. Din kienet ir-risposta għal-mistoqsija tas-sit illum.com.mt lill-Ministru għas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne f'konferenza tal-aħbarijiet iktar kmieni illum.

Il-proġetti piloti msemmija minn Fearne u spjegati f'aktar dettall mill-Ministru għall-Kultura José Herrera, se jkunu qegħdin isiru fl-aħħar tax-xahar u se jinkludu 300 ruħ li huma kollha vaċċinati. 

L-idea ta' proġett pilota mhux idea ġdida anzi f'April li għadda f'Liverpool kien seħħ esperiment simili fejn 6000 persuna attendew żewġ parties. Il-persuni kollha li attendew intalbu jipprovdu test negattiv tal-Covid-19 qabel ma daħlu. Apparti minn hekk, ftit jiem wara l-parties, l-istess persuni ntalbu jagħmlu test ieħor biex ix-xjentisti jkunu jistgħu jimmoniterjaw l-effett anke tal-protokolli.

L-istess f'Malta, Herrera spjega li 300 ruħ se jkunu qegħdin jattendu żewġ avvenimenti bilwieqfa filwaqt kull min jattendi se jkun qed jaċċetta awtomatikament li jsir fuqu PCR test ftit jiem wara. Għaldaqstant bl-istess tama li kellhom fir-Renju Unit, il-Ministru għall-Kultura qal li dawn se jservu bħala "pjattaforma ta' studji xjentifiċi."

More in Politika