73% taż-żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 29 sena huma mlaqqma kompletament

78% ħadu mqar doża waħda tal-vaċċin

73% taż-żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 29 sena huma mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19. Ikkonfermat dan, mas-sit illum.com.mt, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa.

Sorsi mis-settur tad-divertiment, li tkellmu mal-istess sit, saħqu li waħda mir-raġunijiet għaliex il-Ministru Chris Fearne u l-awtoritajiet tas-saħħa huma kontra l-attivitajiet b'udjenza bilwieqfa, hija propju l-persentaġġ ta' dawk imlaqqma u li għandhom bejn 16 u 29 sena.

Dan għax fi kliemhom, il-maġġoranza ta' dawk li jżuru postijiet tad-divertiment, parties u kunċerti, huma ż-żgħażagħ f'dawn l-etajiet.

Madanakollu, mill-informazzjoni li kiseb dan is-sit, il-persentaġġ mhuwiex xi wieħed baxx. Fil-fatt, 79% taż-żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 29 sena ħadu mqar doża waħda tal-vaċċin.

Dan ifisser li fil-jiem li ġejjin, l-għadd ta' żgħażagħ li se jkunu mlaqqma kompletament se jkompli jiżdied.

Minkejja li kienu mwiegħda li se jkunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet għal nies bilwieqfa, illum il-Ministru Fearne naqas milli jagħti data meta dan se jkun permessibbli. 

Minflok ħabbar li mis-16 ta' Awwissu, il-limitu ta' kemm persuni jistgħu jattendu għal attivitajiet bilqiegħda se jitla' għal 300 u jerġa' jiżdied għal 500 mit-30 ta' Awwissu. Dawn l-attivitajiet huma miftuħa biss għall-persuni bit-tilqima.

Fearne insista li b'attivitajiet b'udjenza bilwieqfa ma tistax tinżamm id-distanza soċjali. Insista li b'udjenza bilqiegħda, jekk persuna tirriżulta pożittiva għall-virus wara l-attività, ma jkunx hemm bżonn li kulħadd jiddaħħal fi kwarantina.

Intant, jekk wieħed jieħu l-popolazzjoni adulta kollha, 86% tal-Maltin issa huma mlaqqma kompletament.

More in Politika