Aġġornata | Fearne jibqa' ma jagħtix data meta jistgħu jirritornaw attivitajiet b'udjenza bilwieqfa

Dan minkejja li l-organizzaturi tal-attivitajiet kienu mwiegħda li dawn se jirritornaw min-nofs Awwissu

Minkejja li 86% tal-popolazzjoni hija mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19, jidher li għad hemm reżistenza qawwija mill-awtoritajiet tas-saħħa biex jippermettu li jkunu jistgħu jsiru attivitajiet li għalihom l-udjenza tkun tista' tibqa' bilwieqda.

Fil-fatt, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Fearne, minkejja li kien mistoqsi diversi drabi, ma ta l-ebda indikazzjoni meta dawn l-attivitajiet se jkunu jistgħu jerġgħu jirritornaw.

Aktar kmieni llum, il-gazzetta ILLUM żvelat kif lbieraħ waranofsinhar kien hemm laqgħa bejn l-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u persuni mill-industrija tal-arti u d-divertiment fejn ġew diskussi dawn l-attivitajiet. 

Madanakollu, sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu li min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa għad hemm reżistenza kbira biex issa, li ħafna mill-Maltin huma mlaqqma, jitħallew isiru attivitajiet li għalihom l-udjenza ma tibqax bilqiegħda, anke jekk xorta waħda jkun hemm limitazzjonijiet.

Dan ifisser ukoll li stabbilimenti tad-divertiment fil-miftuħ u li sa issa għadhom magħluqa, ma jistgħux jerġgħu.

L-istess sorsi saħqu li dan huwa xi ftit jew wisq kontradittorju meta mbagħad, f'applikazzjoni għall-skema tal-Kunsill Malti għall-Arti (Event Support Scheme - Strand 1), hemm imniżżel li mis-16 ta' Awwissu, jistgħu jsiru attivitajiet (dejjem bi protokolli) għal 100 ruħ li jistgħu jibqgħu bilwieqfa.

Applikazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti
Applikazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti

Preżentament, l-akbar attività li tista' ssir hija għal 200 ruħ li jridu jibqgħu bilqiegħda. Biex wieħed jattendi għal dawn l-attivitajiet, fost ħafna protokolli oħra, irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Mis-16 ta' Awwissu, dan l-ammont se jikber għal 300 ruħ bilqiegħda u mit-30 ta' Awwissu jerġa' jiżdied għal 500.

Tul il-konferenza, Fearne saħaq li hemm differenza kbira bejn attivitajiet bilqiegħda u attivitajiet bilwieqfa, fosthom għax f'dawk bilwieqfa, diffiċli li tinżamm id-distanza soċjali. 

"Jekk l-għada ta' attività jinstab xi ħadd pożittiv minn attività, jekk bilqiegħda, ma jkunx hemm bżonn li kulħadd jinżamm kwarantina," saħaq il-Ministru. "Qed naraw li bin-numri fil-komunità, fl-isptar u fl-ITU, anke jekk nistgħu naqqsu r-restrizzjonijiet, għalissa ma nistgħux nippermettu attivitajiet bilwieqfa."

F'pajjiżi oħra, bħar-Renju Unit, li bħal Malta mexa ħafna fejn jidħol it-tilqim, ġew irilaxxati kważi l-miżuri kollha, inkluż dawk dwar id-distanza soċjali. Fil-fatt, minkejja dan, il-każi baqgħu stabbli u saħansitra komplew jonqsu. Meta kien hemm żieda, bħalma qed ġara fil-każ ta' Malta, l-għadd ta' pazjenti fl-isptar u anke r-rata tal-imwiet, ma żdidux b'mod allarmanti.

Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta ILLUM żvelat kif l-ewwel tliet attivitajiet tal-massa imma b'kontrolli, organizzati mill-Gvern qed jistennew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa.  

Dawn l-attivitajiet, organizzati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, huma proposti li jsiru matul Settembru u jkunu miftuħa għall-persuni li ħadu l-vaċċin biss. Huwa propost li dawn ikunu attivitajiet għal nies bilqiegħda u l-udjenza tkun f'bubbles ta' mhux aktar minn 330 persuna kull wieħed. Dan ikompli jitfa' f'dubju kemm, sa qabel dak iż-żmien, se jkunu jistgħu jsiru attivitajiet oħra b'udjenza bilwieqda.

L-attivitajiet - fuq il-Fosos tal-Furjana - huma Joseph Calleja in Concert nhar it-3 ta' Settembru, il-BBC Orchestra in Concert nhar l-24 ta' Settembru u Pete Tong Malta Classics nhar it-28 ta' Settembru. Jekk mhux vvaċċinata persuna mhux se titħalla tidħol, l-istess kif qed isir bħalissa f’każ ta’ attivitajiet żgħar li huma permessibbli. 

More in Politika