Anzjani fi djar ta' kura u persuni b'immunità baxxa se jingħataw booster min-nofs Settembru

Fearne qal li għalissa ma jidhirx li qed tonqos l-immunità fost il-persuni li ħadu t-tilqima minn tal-bidu

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li min-nofs Settembru, l-anzjani fi djar ta' kura u anke persuni li jbatu minn kundizzjonijiet li ma jwassluhomx biex jibnu biżżejjed immunità, anke wara t-tieni doża, se jkunu qed jingħataw booster (doża waħda tal-vaċċin) min-nofs Settembru li ġej.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne qal li diversi pajjiżi, inkluż l-Iżrael imma anke diversi pajjiiżi Ewropej bdew jaħsbu biex jagħtu l-booster tal-vaċċin. Insista li l-awtoritajiet Maltin, fid-deċiżjoni tagħhom, ħarsu lejn erba' fatturi:

  • Il-livell ta' immunità fil-komunità: Fearne spjega li Malta għandha persuni li ilhom sitt xhur li ħadu t-tilqima. Madanakollu insista li sa issa ma jidhirx li kien hemm xi tnaqqis fl-immunità li dawn bnew.
  • L-effettività tal-vaċċin f'persuni li ma jkunux qed jibnu biżżejjed immunità minħabba kundizzjonijiet speċifiċi. 
  • Il-varjanti: Fearne spjega li sa issa kollox jindika li l-vaċċin jaħdem fuq il-varjanti eżistenti inkluż fuq id-Delta
  • Fatturi soċjali fejn hemm riskju akbar. Insista li huwa ċar li fid-dar tal-anzjani hemm riskju akbar li persuna tieħu l-virus anke għax l-immunità fl-anzjani tkun inqas.

Kien hawn li Fearne saħaq li propju għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li għalissa, il-booster tingħata lill-anzjani residenti fi djar ta' kura u anke lil dawk il-persuni li minħabba kundizzjonijiet speċifiċi (immunocompromised) ma bnewx biżżejjed immunità anke wara t-tieni doża tat-tilqima.

Dawn il-persuni li huma immunocompromised se jkunu qed jirċievu invit bil-posta, bid-data, il-post u l-ħin fejn ikunu jistgħu jieħu l-booster. Għar-residenti fid-djar tal-anzjani, il-booster se tingħata fir-residenza stess.

"Għalissa ma hemmx lok ta' booster għall-kumplament tal-popolazzjoni," insista l-Ministru.

Aqra wkoll:

More in Politika