Anzjana ta' 88 tmut bil-Covid-19; Erba' pazjenti fl-ITU u tlieta minnhom mhumiex imlaqqma

Waħda mill-pazjenti fl-ITU hija mara tqila

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa, anzjana ta' 88 sena tilfet ħajjitha bil-Covid-19. Jidher li din l-anzjana kienet ilha għaxart ijiem pożittiva iżda ma kinitx Mater Dei.

Apparti minn hekk, il-Ministru Fearne qal li f'Mater Dei hemm 34 pazjent u erba' persuni jinsabu rikoverati fl-ITU.

Mill-pazjenti fl-ITU, tlieta ma ħadux it-tilqima u fosthom hemm mara li hija tqila.

Il-Ministru Fearne qal li dan kollu juru kemm it-tilqima qed taħdem. Fil-fatt, bħalissa f'Malta għandna 1,206 każi. Spjega kif meta Malta kellha l-istess ammont ta' każi attivi, qabel it-tilqima, fl-isptarijiet kien hemm 160 ruħ.

"Dan ikompli juru kemm it-tilqima taħdem," insista l-Ministru.

Spjega wkoll kif il-varjant Delta issa huwa responsabbli għal 95% tal-każi.

Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 78 każ ġdid ta' Covid-19 u fiequ 'l fuq minn 200 pazjent.

Aqra wkoll:

More in Politika