'Każ ċar ta' razziżmu istituzzjonalizzat' - Protesta kontra l-każ tal-ommijiet Torok li spiċċaw il-ħabs

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema Soċjali u l-Fondazzjoni Aditus ħadu wkoll sehem fil-protesta

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca ngħaqdet mal-Moviment Graffitti, l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema Soċjali u l-Fondazzjoni Aditus għal protesta simbolika li saret quddiem il-Qorti, wara li żewġ ommijiet spiċċaw mifruda minn uliedhom żgħar ħafna hekk kif ingħataw sentenza ta’ ħabs wara li nqabdu b’dokumenti foloz.

L-ommijiet huma Torok u kienu qed jaħarbu l-persekuzzjoni mit-Turkija lejn Brussell. Huma ġew arrestati f’Malta hekk kif waqfu hawn għal ftit sigħat biex jaqbdu titjira oħra.

Il-Moviment Graffitti qal li din is-setenza hija eżempju “ċar ta’ razziżmu istituzzjonalizzat,” hekk kif għal reati simili, persuni oħra ħadu sentenzi bil-wisq inqas ħorox.

L-istess sentenza kienet ukoll ikkritikata mill-Kummissarju għat-Tfal li ħeġġet lill-Qorti biex tikkunsidra mill-ġdid din is-sentenza. Insistiet li l-Artiklu 9 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-Tfal jgħid, b’mod ċar, li t-tfal m’għandhomx jiġu mifruda minn mal-ġenituri tagħhom u l-istess Artiklu jgħid ukoll li jekk għal xi raġuni jew oħra t-tfal jiġu sseparati minn mal-ġenituri, għandhom ikollhom relazzjonijiet u kuntatt dirett mal-ġenituri tagħhom.

L-attivisti ta’ Graffitti qalu wkoll li s-Sistema Ġudizzjarja Kriminali hija “diskriminatorja” kontra l-immigranti u dawk li jfittxu l-ażil.

Min-naħa tiegħu, Neil Falzon, mill-Fonfazzjoni Aditus saħaq li l-liġijet dwar id-drittijiet umani jirrikonoxxu d-drittijiet tar-refuġjati u jipprojbixxu lill-Istati milli jimponu penali fuq refuġjati li jidħlu f’territorju mingħajr awtorizazzjoni.

“Il-każ tal-ġimgħa li għaddiet, bħal oħrajn qablu, huwa eżempju ċar ta’ kif Malta mhux tonora l-obbligi internazzjonali tagħha billi tarresta u tibgħat il-ħabs persuni li jkunu qed jaħarbu l-persekuzzjoni tal-gvernijiet tagħhom stess. Din mhijiex ġustizzja,” insista.

More in Politika