Il-Kummissarju għat-Tfal tappella biex tkun riveduta s-sentenza tal-ommijiet li nfirdu minn uliedhom

Il-Kummissarju saħqet li Artiklu 9 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-Tfal jgħid, b’mod ċar, li t-tfal m’għandhomx jiġu mifruda minn mal-ġenituri tagħhom

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal wera t-tħassib tiegħu għall-każ taż-żewġ ommijiet li ntbagħtu l-ħabs u li għandhom tfal żgħar ħafna, liema tfal mhux qed ikollhom kuntatt dirett mal-ġenituri tagħhom.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal ċar u tond li Artiklu 9 tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tat-Tfal jgħid, b’mod ċar, li t-tfal m’għandhomx jiġu mifruda minn mal-ġenituri tagħhom u l-istess Artiklu jgħid ukoll li jekk għal xi raġuni jew oħra t-tfal jiġu sseparati minn mal-ġenituri, għandhom ikollhom relazzjonijiet u kuntatt dirett mal-ġenituri tagħhom.

"L-Awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni sabiex jassiguraw li dawn it-tfal jkunu protetti u li ddeċiżjonijiet li jittieħdu, jittieħdu fl-aħjar interessi tagħhom. L-Uffiċċju tal-Kumissarju għat-Tfal jappela lill-Ġudikatura biex f’każijiet bħal dawn, turi sensitività u li tassigura d-dritijiet tat-tfal," saħqet l-istqarrija.

L-Uffiċċju jisħaq li Mmezzi oħra ta mogħtija ta’ sentenzi kellhom jiġu kkunsidrati f’dan il-każ u li d-deċiżjoni li ttieħdet biex dawn iż-żewġ ommijiet soiċċaw il-ħabs għandha tiġi rriveduta kemm jista’ ikun malajr.

"Sadanitant, l-Uffiċċju jħeġġeġ l-entitajiet kollha involuti biex jassiguraw li t-tfal jiġu mħarsa, li jkollhom kuntat xieraq m’ommhom u li tiġi rrispettata l-privatezza tagħhom," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika