Ta' tlieta u erba' snin jispiċċaw il-Qorti jaraw lil ommijiethom jittieħdu l-ħabs

Każ fil-Qorti Maltija jqajjem kontroversja sħiħa wara li żewġt itfal infirdu minn ommijiethom Torok li pprovaw jaħarbu l-persekuzzjoni mill-Gvern ta' Erdogan

Żewġ ommijiet li l-ġimgħa li għaddiet ingħataw sentenza ta’ ħabs wara li użaw dokumenti foloz biex jaħarbu l-persekuzzjoni mit-Turkija, qed jitħallew jaraw lil uliedhom biss permezz ta’ Skype.

Iż-żewġ ommijiet kienu arrestati f’Malta hekk kif kienu fi triqithom lejn Brussell.

It-tfal tagħhom għandhom tlieta u erba’ snin u kienu preżenti fil-Qorti nhar l-Erbgħa u raw lil ommijiet tagħhom jiġu eskortati lejn il-ħabs. It-tfal tpoġġew taħt il-kura tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Soċjali.

Skont l-avukat tal-ommijiet, it-tfal qed jitħallew jitkellmu mal-ommijiet, għal nofsiegħa kuljum permezz ta’ Skype.

F’appell, ippreżentat ilbieraħ, l-Avukati Gianluca Cappitta u Jason Grima saħqu li s-sentenza ta’ sitt xhur ħabs hija eċċessiva. Qalu li l-ommijiet kienu ħarbu lejn il-Greċja u mbagħad lejn Malta fi triqithom lejn Brussell biex iġeddu d-dokumenti tagħhom.

L-ommijiet kienu jiffurmaw parti mill-grupp Gülen, li l-President Recep Tayyip Erdogan qed jakkużah li pprova jwettaq kolp ta’ stat fl-2016.

Skont membru attiv ta’ dan il-grupp, il-persekuzzjoni li qed jiffaċċjaw il-membri tiegħu mill-awtoritajiet Torok hija ħarxa ħafna.

Fil-fatt, il-membri ta’ dan il-grupp huma meqjusa bħala tradituri u għedewwa tal-istat tort u saħansitra terroristi.

L-istess membru insista Erdogan arresta diversi persuni, fosthom mijiet ta’ nisa u tfal u qatel ħafna minnhom fil-ħabsijiet, anke jekk attribwixxa l-imwiet tagħhom “għal raġunijiet mediċi.”

Insista li dawn l-istess membri spiċċaw ittorturati u saħansitra stuprati fil-ħabsijiet, kellhom il-propjetajiet tagħhom ikkonfiskati u l-kontijiet tagħhom iffriżati.

Il-Gvern Tork jidher li kkanċella wkoll il-validità ta’ aktar minn 140,000 passaport biex persuni membri tal-grupp ma jkunux jistgħu jħallu l-pajjiż.

Eluf ta’ persuni oħra ma tħallewx jaħdmu aktar mas-settur pubbliku, fost dawn kien hemm eluf ta' akkademiċi u professjonisti.

Il-PN jappella lill-Ministru Farrugia u Camilleri biex jinvestigaw dan il-każ 

Intant, il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela biex jordna lill-Ministru Michael Falzon u lill-Ministru Byron Camilleri ħalli flimkien jinvestigaw u jagħtu rendikont dwar jekk il-protokolli kollha għall-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u l-ħarsien ta’ vittmi ta’ traffikar ġewx imħarsa u segwiti f’dan il-każ.

Insista li dan il-każ qajjem ħafna mistoqsijiet li jridu jkunu ċċarati. 

Il-PN appella wkoll biex iż-żewġ Ministeri jinvestigaw jekk kienx hemm xi nuqqas fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal in kwistjoni u f’kull każ ieżor li involva tfal oħra, kif ukoll fir-rigward tal-ħarsien tal-protezzjoni lill-vittmi ta’ traffikar kemm kif allegatament setgħu kienu dawn iż-żewġ ommijiet u f’każijiet oħra li setgħu nvolvew vittmi oħra.

"F’din l-investigazzjoni il-Ministeri huma mħeġġa jidentifikaw fejn kienu n-nuqqasijiet u jindirizzawhom b’miżuri effettivi. Il-Partit Nazzjonalista iħeġġeġ lil kull entitá eżekuttiva tal-Istat li hija konnessa ma' dan il-każ sabiex jassiguraw li d-drittijiet tat-tfal in kwistjoni qegħdin jiġu mħarsa bl-aktar mod effettiv, u sabiex jiġi investigat b’mod effiċjenti u malajr jekk l-ommijiet humiex vittmi ta’ traffikar ħalli jingħataw minnufih il-protezzjoni meħtieġa jekk jinstab li huma hekk," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika