Aġġornata | L-Istat għandu jerfa' responsabilità tal-assassinju 'għax ħoloq atmosfera ta' impunità'

Ir-rapport dwar l-assassinju ta' Caruana Galizia filwaqt li jinnota illi jidher li l-Istat ma kienx involut fl-assassinju, b'azzjonietu wassal "għall-kollass fis-saltna tad-dritt"

Ritratti ta' Daphne Caruana Galizia waqt id-dimostrazzjoni fil-Belt Valletta
Ritratti ta' Daphne Caruana Galizia waqt id-dimostrazzjoni fil-Belt Valletta

Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia għandu kliem iebes għal dik li sejjaħ "qarnita ta' impunità" u wissa' wkoll illi l-politika business-friendly tal-eks PM Joseph Muscat qatt ma kellha tiġi à skapitù tal-governanza u dak li huwa sew u ġust. 

'Qarnita li nfirxet'

Ir-rapport jikkonkludi illi għalkemm jidher li l-Istat ma kellu ebda rwol fl-assassinju, xorta jeħtieġ jerfa' r-responsabilità għall-assassinju ta' Caruana Galizia "billi ħoloq atmosfera ta' impunità, iġġenerata fl-ogħla livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f'Kastilja u bħal qarnita infirxet għal entitajiet oħrajn bħall-istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija, li wassal għall-kollass tas-saltna tad-dritt," qal l-istess rapport fil-konklużjonijiet tiegħu. ​

"Il-provi kollha quddiem il-Bord maħsuba biex jistabilixxu ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ l-assassinju żvelaw kultura estiża ta’ impunita’ mhux biss għall-uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi “persons of trust”, iżda wkoll għal ċirku ristrett ta’ politiċi, negozjanti u kriminali," jisħaq ir-rapport f'kummenti pjuttost iebsin lejn l-amministrazzjoni mmexxija minn Joseph Muscat. 

Ir-rapport jagħti ħarsa dettaljata fil-konklużjonijiet tiegħu lejn ir-rabtiet bejn in-negozju u l-Gvern, b'mod speċjali permezz tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u jfakkar illi din il-qrubija waslet biex dawk li riedu jistagħnew jkunu qrib u jimmanipulaw uffiċjali pubbliċi għolja biex jieħdu dak li jridu. 

Ir-rapport jisħaq li kien ippruvat lilu quddiem din l-inkjesta li xi entitajiet tal-istat "mhux biss naqsu mill-obbligu tagħhom li jestendu protezzjoni sħiħa lil Daphne Caruana Galizia imma kien hemm persuni f’entitajiet tal-iStat li attivament u direttament aġixxew b’mod li serjament preġudikawlha d-dritt li teżerċita l-professjoni tagħha b’mod liberu u sikur." 

Ir-rapport jerġa' jisħaq illi minkejja li ma hemm ebda prova tal-involviment tal-istat - kampanja ta' demonizzazzjoni, flimkien mal-bżonn li l-kitba tagħha "tiġi newtralizzata", ħolqot il-klima "favorevoli biex min ried jeliminaha seta’ jagħmel hekk bl-inqas konsegwenzi," ikkonkluda dan ir-rapport. 

L-inkjesta bdiet tisma' x-xhieda f'Diċembru 2019 u kkonkludiet ftit ġimgħat ilu, bil-membri tal-Bord jgħaddu l-inkjesta lill-Avukat tal-Istat u issa lill-Prim Ministru. Il-membri huma l-Imħallef Emeriti Michael Mallia, flimkien mal-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.  

Intant l-għaqda Repubblika sejħet għar-riżenja tal-Kabinett, għat-tkeċċija ta' Joseph Muscat mill-Partit Laburista u protesta illejla quddiem Kastilja. 

'Difiża fjakka'

Intant l-istess rapport qal illi hija "difiża fjakka" tal-Ministri li deheru quddiem l-istess bord li jgħidu li l-impunità minn dejjem kienet u jisħaq illi minkejja li huwa minnu li fi żminijiet oħrajn kien hemm minn abbuża mis-sistema "l-abbużi ġew investigati appena ġew skoperti u ttieħdu passi kontra min jirriżulta li abbuża."  L-Imħaallfin qalu li kuntrarjament għal dan illum l-istituzzjonijiet li jaraw illi jittieħdu dawn il-passi ġew mdgaħjfa.

"L-istituzzjonijiet f’ħafna okkażjonijiet ma ħadmux u ma ttieħdu l-ebda passi biex l-allegazzjonijiet serji li kienu qed isiru jiġu investigati u biex min kien allegatament responsabbli jiġi msejjaħ biex jagħti kont ta’ għemilu.," sostna r-rapport. 

'Gravità li min wettaq dan id-delitt ħassu sikur li jwettaqu'

Ir-rapport jgħid li hija "gravità" li din l-impunità waslet fl-ogħla livelli tant li "min wettaq dan id-delitt ħassu sikur jwettqu."

"Impressjona wkoll il-mod kif tista’ tgħid l-istituzzjonijiet kollha fil-pajjiż naqsu li jirreaġixxu b’mod xieraq u effettiv li jikkontrastaw din l-impunita’ kif kienu obbligati jagħmlu, nuqqas li ħafna minnhom tista’ tkun attribwita proprju għar-rabtiet li kien hemm bejn min kien qed imexxihom u dawk li kienu qed javvanzaw l-interessi dubjużi tagħhom."

Responsabilità kollettiva tal-Kabinett

Ir-rapport jgħid illi kienet responsabilità kollettiva tal-Kabinett ta Muscat li jara illi jipptoeġi lil min kien qed jikxef informazzjoni relatata mal-Panama papers u 17 Black minflok jivvota favur Keith Schembri u Konrad Mizzi. 

Filwaqt li wieħed jista’ b’xi mod jiskolpa l-Kabinett li ma itteħditx azzjoni tempestiva meta ġew ippublikati l-Panama Papers kontra ċ-Chief of Staff għalhiex il-Prim Ministru Muscat assuma responsabbilita’ personali għall-aġir ta' Keith Schembri, ċertament mhux l-istess jista’ jingħad meta ġew ippublikati allegazzjonijiet speċifiċi ta’ reati in konnessjoni ma’ 17 Black. Żgur li f’dan l-istadju l-ebda membru tal-Kabinett ma jista’ jeżonera ruħu mill-obbligu li kellu," qal ir-rapport. 

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li dalgħodu ħabbar li se jkun qed jippubblika r-rapport kollu tal-Inkjesta Pubblika li trattat l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Għall-bidu l-Gvern mmexxi minn Joseph Muscat kien iddetermina li xogħol l-inkjesta kien li jara jekk l-Istat kellux detterrenti effettivi u biżżejjed poteri investigattivi kontra reati kriminali. Kienet ukoll tinkludi investigazzjoni fuq kemm l-istat jista' jevità stat ta' impunità wara numru ta' reati li baqgħu mhux solvuti.

Fakkar dan ir-rapport illi l-Grupp Parlamentari Laburista baqa' jivvota favur l-interessi ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi, f'diversi opportunitajiet. 

Ir-rapport skjaċċanti jgħid illi s-silenzju tal-Kabinett ta' Muscat kien ifisser "approvazzjoni siekta, jekk mhux il-barka, tal-Kabinett kollu" tal-imounità li kienet qed isseħħ. 

 Iżda wara insistenza u appelli mill-famija Caruana Galizia l-inkjesta kienet mitluba tinvestiga wkoll jekk l-istat ħoloqx "riskju immedjat" għall-ħajja ta' Daphne Caruana Galzia. 

F'ittra lill-Ispeaker il-Prim Ministru Abela qal illi għalkemm xogħlu kien biss li jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra, hu se jmur pass oltrè u jippubblika dan ir-rapport, filwaqt li sejjaħ għal dibattitu għada fid-9 a.m. 

More in Politika