Repubblika titlob għar-riżenja tal-Kabinett, it-tkeċċija ta' Muscat mill-PL u ssejjaħ protesta

L-għaqda tgħid ukoll li l-istat għandu jitlob skuża...

L-għaqda Repubblika sejħet għall-protesta llejla quddiem Kastilja hekk kif kien ippubblikat ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Dan ir-rapport talab lill-Gvern jieħu responsabbilità u jgħid illi għalkemm ma hemmx provi illi l-Istat kien imdaħħal f'dan l-assassinju, ħoloq stat ta' impunità permezz ta' "qarnita" minn Kastilja li wasslet għal "kollass fl-istat ta' dritt."

Repubblika qed tesiġi li l-Kabinett jirriżenja u minfloku ikun iffurmat Gvern li jeskludi lil kull min hu responsabbli "għall-ħtijiet li sabet l-inkjesta." L-għaqda qed tinsisti wkoll li Joseph Muscat għandu jitkeċċa mill-Partit Laburista, filwaqt li l-Istat jitlob skuża. 

L-għaqda qed tipproponi wkoll li jitwaqqaf Kumitat inter-istituzzjonali bis-sehem tas-soċjetà ċivili biex jiddiskuti fid-detall u jara li jiġu adottati r-riformi proposti mir-rapport tal-inkjesta u li safejn dan jista’ jsir dawn "ir-riformi jsiru qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss u li l-elezzjoni ġenerali ssir biss meta jkun intlaħaq kull progress li jista’ jintlaħaq fil-leġiżlatura preżenti fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi."

More in Politika