'Sibt lil Darren Debono (it-Topo) fuq is-sodda bid-demm ħiereġ minn siequ' - Theuma jixhed dwar is-serqa tal-HSBC

Melvin Theuma kien kera appartament lill-grupp li kien involut fl-attentat tas-serqa tal-HSBC fl-2010

Melvin Theuma qal lill-Qorti li hu kien kera appartament lil wieħed mill-irġiel li qed ikunu akkużati li pprovaw iwettqu serqa mill-kwartieri tal-HSCB f’Ħal Qormi, fl-2010, liema serqa ġiet sfrattata wara li laħqu waslu l-Pulizija.

Theuma kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Monica Vella, fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Vince Muscat, il-Koħħu u Darren Debono, magħruf bħala t-Topo.

Fix-xhieda tiegħu, Theuma qal li Debono kien staqsih jekk kellux xi appartament li seta’ jikri.

“Krejtlu appartament il-Mosta għal xahar. Kien is-sajf u l-prezz kien €300. Darren Debono ħallas għalih,” qal Theuma. Kompla jisħaq li ma jiftakarx jekk Debono kienx akkumpanjat minn Alfred Degiorgio, il-Fulu.

L-attentat tas-serqa seħħ fl-istess lejl, f’Ġunju 2010, meta kien qed isir il-kunċert MTV fuq il-Fosos tal-Furjana.

Theuma qal li dakinhar tal-kunċert kien qed jiekol mal-familja meta rċieva telefonata mingħand Debono.

“Mort l-appartment. Kif tidħol, fuq ix-xellug hemm kamra tas-sodda. Sibt lil Darren Debono fuq is-sodda, bil-qalziet ta’ taħt u bid-demm ħiereġ minn siequ. Qaluli li l-Pulizija kienu sparawlu,” Theuma kompla jixhed.

Qal li Vince Muscat staqsih biex jgħinu jdewwih. “Aċċettajt imbagħad tlaqt mill-appartament. Kien hemm il-Pulizija fil-viċin,” insista.

Aktar qabel, Theuma xehed fil-kumpilazzjoni kontra Vince Muscat u qal li qatt ma ddiskuta s-serqa miegħu. Theuma qal li kien ilu jaf lil Muscat minn meta kienu tfal u kienu jitkellmu fuq il-logħob tal-azzard.

Muscat, Debono u Fabio Psaila qed ikunu akkużati bl-attentat ta’ din is-serqa fejn kienu ġew sparatati wkoll xi tiri. Din hija l-istess serqa li fiha, l-aħwa George u Alfred Degiorgio (akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia) qed jimplikaw lill-eks Ministru Chris Cardona u lill-Ministru Carmelo Abela li dak iż-żmien kien iservi bħala maniġer tal-bank.

Id-Deputat Jason Azzopardi kien allega li Cardona kien ġie arrestat u interrogat fil-lejl stess li fih seħħet is-serqa, filwaqt li fl-aħħar ġimgħat kien sar magħruf li Carmelo Abela wkoll kien intalab jixhed dwar dan il-każ. Huwa dejjem insista li qatt ma kien taħt investigazzjoni, minkejja li dan l-aħħar reġa' ġie mitkellem mill-Pulizija.

Din kienet waħda minn sensiela ta’ serqiet li seħħew dak iż-żmien, fejn fost oħrajn, kienu nsterqu €1 miljun mill-HSBC ta’ Ħal Balzan u anke ammont ieħor mill-Casino di Venezia.

Theuma qed jixhed f’dan il-każ hekk kif din kienet waħda mill-kundizzjonijiet li kellu meta ngħata l-maħfra presidenzjali dwar l-involviment tiegħu fil-qil ta’ Daphne Caruana Galizia.

More in Politika