Jason Azzopardi jgħid li Cardona kien arrestat dakinhar tal-hold up tal-HSBC fl-2010

Id-Deputat Nazzjonalista jgħid li l-eks Ministru kien ġie arrestat dakinhar tas-serqa li marret ħażin tal-HSBC

L-eks Ministru Chris Cardon
L-eks Ministru Chris Cardon

Fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li Chris Cardona ġie arrestat fl-2010 dakinhar tas-serqa li marret ħażin tal-HSBC.  Dan qalu ftit minuti biss wara li anke Alfred Degiorgio issa implika eks Ministru u Ministru preżenti fis-serqa li marret ħażin tal-HSBC.  Dakinhar dawk li daħlu biex jisirqu kienu spiċċaw jisparaw fuq xi ħaddiema tal-bank. 

"X'jiġri jekk jintwera' fil-fatt li fost id-Deputati tal-Gvern hemm kriminal?  Li fost uffiċjali tal-Partit Laburista hemm traffikant tad-droga?  Li kien hemm min organizza l-hold-up?  Li fostkhom hemm ħalliel, li huwa kompliċi f'hold up?" staqsa Azzopardi lid-Deputati tal-Gvern.  "Is-sitwazzjoni hija bla preċedent.  Imma possibbli ma nistgħux ngħidu li l-ħażin huwa ħażin ... Kastilja hija l-bejta tal-mafja," saħaq id-Deputat Nazzjonalista.

Huwa sostna li l-Prim Ministru inqabad jigdeb meta qal li ma kinux implikati politiċi fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia u allega illi filwaqt li l-Parlament kien qed jiddiskuti mozzjoni dwar 17 Black kien hemm deputati minn naħa tal-Gvern ma' Yorgen Fenech, is-sid ta' din il-kumpanija li kienet bbażata d-Dubaj.  "Kemm għajjruna għax kellna l-ardir nitolbu l-kontabilità," temm id-Deputat Jason Azzopardi. 

More in Politika