Familjari tat-tifla li mietet irrabjati għal rapporti u kummenti li ma jirriflettux dak li qal Fearne

Membri tal-familja jagħtuha għall-Facebook u jitlobu r-rispett u mhux spekulazzjoni, dwar il-mewt ta' membru tal-familja tagħhom

Kumment ta' membru tal-familja
Kumment ta' membru tal-familja

Tnejn mill-membri tal-familja tat-tifla ta' ħames snin u nofs li mietet nhar is-Sibt li għadda, esprimew rabja u frustrazzjoni għall-fatt li fuq xi portals u f'xi kummentarji ġie rrappurtat jew qed jintqal - bħala fatt - li t-tifla ta' ħames snin u nofs li semma Chris Fearne illum mietet bil-Covid-19.  Dan meta d-Deputat Prim Ministru qal f'konferenza b'mod ċar li ma hemm ebda konferma li l-mewt ta' din it-tifla kienet ikkaġunata mill-Covid-19, sa issa. 

Huwa qal ukoll li meta kienet għadha ħajja t-tifla sarilha test li ġie 'negative' għall-Covid-19. Waqt investigazzjonijiet forensiċi, wara mewtha, sarilha test ieħor, li rriżulta 'mildly reactive' - jiġifieri li kien hemm traċċi tal-virus, jew inkella riflessjoni ta' fejqan mill-istess virus. 

Persuna bl-isem Eman Cilia - li huwa kuġinuha - appella biex kulħadd jieqaf jivvinta u jistenna t-testijiet forensiċi.  Huwa appella biex kulħadd jieqaf jispekula u jivvinta. F'post ieħor li tefa' saħansitra sostna li mhux vera mietet bil-Covid-19 u għalhekk reġa' talab għall-prudenza. 

F'kumment ieħor membru tal-familja oħra staqsiet għaliex ma kienx hemm riproduzzjoni aktar fidili lejn dak li qal Fearne u talbet biex kulħadd jirrispetta d-dulur li għaddejja minnu l-familja. 

More in Politika