Tmut tifla ta' ħames snin - ebda konferma sa issa li l-mewt hija marbuta mal-Covid-19

Id-Deputat PM Chris Fearne jgħid illi waqt li kienet għadha ħajja rriżultat fin-negattiv għall-Covid-19, iżda fi swab test ieħor wara mewtha rriżultat li kellha xi traċċi tal-virus - Għaddejja investigazzjoni biex tkun stabbilita l-kawża tal-mewt

Tifla ta' ħames snin u nofs mietet ftit wara li ddaħlet l-isptar- u minkejja għidut fuq il-midja soċjali d-Deputat PM Chris Fearne qal li sa issa ma hemm ebda konferma li din il-mewt hi b'xi mod marbuta mal-Covid-19. Waqt il-konferenza li saret ftit tal-ħin ilu Chris Fearne spejga kif it-tifla l-Ġimgħa filgħaxija kellha deni qawwi ħafna li wassal għal episodji ta' seizures relatati ma' dan id-deni. Malli ddaħħlet fl-Isptar Mater Dei instab li t-tifla kienet f'qagħda kritika ħafna u tpoġġiet fuq ventilatur. 

Fearne spjega kif ftit wara li inbeda is-CPR fuq it-tifla, sar swab test fuqha biex ikun determinat kellhiex il-Covid-19, liema test irriżulta fin-negattiv. Huwa kompla jgħid iżda illi fil-kors tal-investigazzjonijiet forensiċi biex ikun stabbilit biex mietet it-tifla, sar swab test ieħor li rriżulta f'mildly reactive, jiġifieri li jista' jkun hemm traċċi tal-virus jew inkella kellha l-virus u tkun fieqet ftit jiem qabel. Dan ifisser iżda li waqt li kienet ħajja t-tifla rriżultat negattiv u ftit wara li tilfet ħajjtha kellha r-riżultat ta' xi traċċi tal-Covid-19. 

L-ebda membru tal-familja tagħha ma rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 fi swab tests li sarilhom.

Huwa qal illi hekk kif il-mewt seħħet f'inqas minn 24 siegħa -  u kif tistabbilixxi l-liġi - ġiet infurmatra l-maġistrat tal-għassa, biex tibda investigazzjoni li għandha tistabilixxi l-kawża tal-mewt. 

Huwa appella għar-responsabilità f'dak li jingħad u jiġi rrappurtat u talab biex kulħadd jirrispetta l-privatezza tal-famija tat-tifla. 

More in Politika