Malta se tibda taċċetta biss turisti li huma mlaqqma kompletament; Jingħalqu wkoll l-iskejjel tal-Ingliż

B'kollox instabu każi ta' Covid-19 f'disa' skejjel tal-Ingliż

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li min-nhar l-Erbgħa 14 ta' Lulju, Malta mhux se taċċetta turisti li ma jkollhomx ċertifikat tal-vaċċin, filwaqt li se jkunu qed jingħalqu wkoll l-iskejjel tal-Ingliż.

Ħabbar dan, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif fl-aħħar jiem Malta esperjenzat żieda fil-każi ta' Covid-19.

Insista li Malta se tkun l-ewwel pajjiż li se tkun qed titlob biss ċertifikat tal-vaċċin u li mhux se taċċetta aktar turisti li jiġu biss b'PCR test. Din id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif il-maġġoranza tal-każi qed ikunu relatati ma' safar u l-maġġoranza ta' persuni mhux qed ikunu mlaqqma. Fil-fatt, mill-madwar 150 każ li nstabu bejn ilbieraħ u llum, 35 kienu persuni residenti f'Malta

Malta qed taċċetta:

  • iċ-Ċertifikat tat-Tilqim ta’ Malta;
  • l-NHS COVID Pass tar-Renju Unit (verżjoni diġitali jew ċertifikat fiżiku); u 
  • ċ-Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE

Tfal taħt it-12-il sena, jistgħu jiġu mal-ġenituri tagħhom jekk jagħmlu PCR test.

Disa' skejjel tal-Ingliż bil-każi ta' Covid-19

Rigward l-iskejjel tal-Ingliż, il-Ministru Fearne qal li fl-aħħar jiem instabu każi f'disa' skejjel tal-Ingliż u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni immedjata li dawn jingħalqu.

Insista li din se tkun l-uniku miżura li għalissa se terġa' tiddaħħal fis-seħħ. Spjega kif ir-rilaxx tal-miżuri se jkompli kif ippjanat, hekk kif l-awtoritajiet jiddeċiedu jekk iżidux il-miżuri skont kemm ikun hemm persuni l-isptar.

Min-naħa tagħha, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif il-maġġoranza tal-każi l-ġodda qed ikunu fost żgħażagħ ta' bejn 15 u 30 sena.

Tliet pazjenti biss fl-isptarijiet ... mhumiex imlaqqma kompletament

Fearne spjega kif l-evidenza qed turi li l-vaċċin jaħdem. Meta ma kienx hawn vaċċin, 20 minn kull 100 persuna bil-Covid-19 kien qed ikollhom bżonn kura fl-isptar. Illum, bil-vaċċin, żewġ persuni minn kull 100 morda bil-virus, qed ikollhom bżonn kura fl-isptar.

Fil-fatt, fl-isptar hemm biss tliet pazjenti. It-tlieta huma barranin li jgħixu Malta u li għadhom mhumiex imlaqqma kompletament kontra l-Covid-19.

Intant, sa issa, Malta laqqmet kompletament 79% tal-popolazzjoni adulta u issa qed tħares lejn il-mira ta' 85% li mistennija tintlaħaq fil-jiem li ġejjin u li hija bżonjuża hekk kif qed ikompli jinxtered il-varjant Delta.

90% tal-każi pożittivi huma fost persuni li mhumiex imlaqqma kompletament

Fil-fatt, 90% tal-każi pożittivi, kompla jispjega l-Ministru Fearne, qed ikunu persuni li mhumiex imlaqqma kompletament. Fil-fatt, mis-96 każ misjuba llum, 12 biss kienu ta' persuni li huma mlaqqma kompletament.

Fakkar ukoll li fid-19 ta' dan ix-xahar se jkunu qed jinfetħu kliniċi 'walk-in' għal dawk li huma residenti f'Malta u li jkunu jridu jieħdu l-vaċċin.

Aqra wkoll:

More in Politika