'Qed nirrepetu l-iżbalji tas-sena l-oħra ... għandna naċċettaw biss turisti bit-tilqima' - MAM

Il-MAM tfakkar li għad hemm 80,000 Malti u Maltija li għadhom ma ħadux it-tilqima u li dawn se jkunu aktar f'riskju

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li Malta qed tirrepeti l-istess żbalji tas-sena li għaddiet u qalet li hi kienet ilha tappella lill-MHRA u anke l-awtoritajiet tat-turiżmu biex jiftħu biss il-fruntieri għal individwi li ħadu t-tilqima filwaqt li xorta waħda jintalab swab test.

Fi stqarrija, il-MAM għamlet referenza għall-każ ta' diversi studenti barranin li ġew Malta jitgħallmu l-Ingliż u nstabu pożittivi għall-Covid-19. It-tobba insistew li l-awtoritajiet kien imisshom raw x'ġara fil-gżira ta' Mallorca fi Spanja, meta parties fost l-istudenti waslu biex il-każi żdiedu għal madwar 500 kuljum. 

"L-istess ġara fil-Portugal, hekk kif Lisbona kellha tidħol f'lockdown wara biss ftit ġimgħat," qalet il-MAM.

Kien hawn li saħqet li l-fatt li Malta issa hija fuq il-lista l-ħadra tar-Renju Unit hemm ċans qawwi li jiġri dak li seħħ f'Mallorca u anke Lisbona jekk ma jittiħdux passi minnugfih. 

"Ir-Renju Unit mhux biss esporta l-varjant li huwa trasmissibbli ħafna imma qed jippromwovi wkoll l-attivitajiet tal-massa u dan meta qed isibu medja ta' 20,000 każ kuljum. Ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħadu nota ta' dan imma aħna le," ilmentaw it-tobba. "Dawk li qed isegwu l-EURO2020 żgur li ndunaw għaliex kemm it-Taljani u anke l-Ġermaniżi twaqqfu milli jivjaġġaw lejn ir-Renju Unit."

Kien hawn li t-tobba saħqu li Malta qed tirrepeti l-istess żbalji tas-sena li għaddiet meta qed tiftaħ il-bibien berah anke għal niċeċ ta' turiżmu li qed iwasslu f'Malta turisti li diffiċli tikkontrolla u li x'aktarx għad ma għandhomx vaċċin.

"B'50 każ kuljum u li jirduppjaw kuljum, Malta se tispiċċa fil-lista l-ħamra tal-Unjoni Ewropea fi żmien ftit jiem u s-settur tat-turiżmu se jintlaqat kollu kemm hu," kompliet il-MAM. "Dan mhuwiex ġust fuq il-ħaddiema tas-saħħa li se jerġgħu jispiċċaw jagħmlu sagrifiċċji personali biex jagħtu l-kura lil dawn il-pazjenti imma anke fuq dawk li jiddependu mit-turisti."

Kien hawn li l-MAM appellat dwar il-bżonn ta' miżuri biex ikun żgurat li ma jsirux paries jew attivitajiet tal-massa. Dan minkejja li sa issa dawn mhumiex permessibbli. La l-parties u lanqas l-attivitajiet tal-massa organizzati mhu qed isiru.

Il-MAM appellat lil dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli. Fi kliemha, malli l-Covid-19 se jkompli jinxtered mit-turisti, dawn it-80,000 Malti li għadhom ma ħadux it-tilqima se jkunu aktar f'riskju u se jpoġġu lis-sistema tas-saħħa mill-ġdid taħt pressjoni.

More in Politika