'Jekk Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża l-effett negattiv mhu se jaħfirha lill-ebda settur jew impjegat' - MDA

L-MDA tisħaq li qed issegwi s-sitwazzjoni mill-qrib għax fi kliemha riżultat negattiv jista' jħalli impatt fuq l-ekonomija Maltija inġenerali

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi qalet li jekk Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża, l-effett negattiv mhu se jaħfirha lill-ebda settur, impjegat jew impjegatur.

“L-effett negattiv se jinħass fuq l-ekonomija Maltija inġenerali,” saħqet l-MDA fi stqarrja.

L-Assoċjazzjoni insistiet li qed issegwi “din it-theddida” mill-qrib.

Qalet li tapprezza wkoll il-fatt li kemm il-Prim Ministru u anke l-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qed jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex Malta tinħeles minn din is-sitwazzjoni “serja.”

Id-deċiżjoni tal-FATF (Financial Action Task Force) mistennija tittieħed għada waranofsinhar. Il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika qed jagħmlu pressjoni kbira biex Malta ma tgħaddix minn dan it-test kruċjali, minkejja li Malta kisbet riżultat pożittiv mill-Moneyval.

L-MDA temmet tgħid li f’dawn iċ-ċirkostanzi, tassigura lill-Prim Ministru li se jsib l-appoġġ kollu tagħha f’kull deċiżjoni li tittieħed biex Malta tgawdi minnha.

“Nappellaw lill-istakeholders kollha u anke lill-Maltin ġenwini biex jikkoperaw mal-amministrazzjoni preżenti f’din il-kwistjoni,” temmet tgħid l-istqarrija.

Aqra wkoll:

More in Politika