‘Għajb kbir għall-ekonomija u l-impjiegi jekk Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża’ – Sors għoli fil-Gvern jitkellem mal-ILLUM

Qed issir pressjoni mill-Istati Uniti, l-Ingilterra u l-Ġermanja biex Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża minkejja li għaddiet u implimentat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval. L-ILLUM titkellem ma’ sorsi għoli mill-Gvern Malti dwar dak li qed isir u jista’ jsir jekk Malta, nhar l-Erbgħa 23 ta’ Ġunju, tispiċċa fuq il-lista l-gżira. 

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qiegħed f’taħdidiet biex jikkonvinċi lill-pajjiżi Ewropej li ma hemm l-ebda raġuni għaliex Malta għandha tispiċċa fuq il-lista l-griża
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qiegħed f’taħdidiet biex jikkonvinċi lill-pajjiżi Ewropej li ma hemm l-ebda raġuni għaliex Malta għandha tispiċċa fuq il-lista l-griża

Minkejja li Malta kisbet konklużjonijiet aktar pożittivi minn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea, pressjoni mill-Amerika, l-Ingilterra u l-Ġermanja tista’ twassal biex Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża.

Rapporti mill-FATF (It-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja) juru li Malta hija aħjar minn diversi pajjiżi fejn tidħol ir-regolamentazzjoni finanzjarja. Jekk Malta tispiċċa fil-lista l-griża, eluf ta’ impjiegi jispiċċaw mhedda. 

Sors għoli fil-Gvern Malti saħaq mal-gazzetta ILLUM li huwa għajb kbir, li wara snin twal ta’ rabtiet fil-qrib mal-Ingilterra u l-Istati Uniti, qed issir pressjoni politika biex timmina lil Malta u dan biex “sempliċiment jagħmlu punt politiku.” (Aqra paġna 21) 

Insista li jekk Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża, il-pajjiż irid jara kif se jipproteġi l-interess tiegħu, anke għax jispiċċa l-uniku membru tal-Unjoni Ewropea f’din il-lista.

“Huwa ta’ għajb li wara dawn is-sagrifiċċji kollha u reviżjoni ħolistika tas-sistema finanzjarja tagħna, spiċċajna f’din is-sitwazzjoni,” kompla jisħaq l-istess sors.

Mistoqsi mill-ILLUM x’jista’ jagħmel il-pajjiż, l-istess sors tenna li “dak li jridu jagħmlu lil Malta, hija xi ħaġa serja ħafna.” 

“Ikun ifisser theddida għall-impjiegi u n-negozji. Hemm ħafna toroq li nistgħu nieħdu. Issa wasal iż-żmien li nissaħħu għax ma jistax ikun li kulħadd jitrattana b’dan il-mod,” insista. 

Insista li bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, hemm ħafna wieħed x’jista’ jagħmel, anke għax Malta għandha l-istess drittijiet ta’ pajjiżi oħra.

“Ħadd ma jwaqqafna li neżerċitaw id-drittijiet tagħna,” insista.

Temm jinsisti li apparti l-impjiegi, jekk Malta tispiċċa fuq il-lista l-griża, dan se jkun ifisser daqqa u theddida kbira għas-servizzi finanzjarji u setturi oħra marbuta mal-igaming u l-formazzjoni ta’ kumpaniji barranin f’Malta. 

“It-tmiem ta’ dan kollu jkun ifisser daqqa kbira lill-ekonomija Maltija,” insista l-istess sors.

Fl-aħħar jumejn il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kien f’taħdidiet mal-Gvern Ġermaniż biex jifhem x’kienet ir-raġuni għall-oppożizzjoni tal-Ġermanja.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll kiteb lill-FATF biex jgħidilhom li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun elett, se jaħdem biex Malta tikseb ir-reputazzjoni li kellha.

Imma l-Amerikani xi jridu?

  • Ipattuhielna għal xi ħaġa li għamilna u li marret kontra x-xewqat tagħhom
  • Ipattuhielna għax ma ffirmajniex il-ftehim SODA
  • Ipattuha lill-Gvern li għadu ma ffirmax ma’ Steward Health Care
  • Biex jibagħtu l-messaġġ li huma jiddeċiedu minn jispiċċa fuq il-lista

Xi tfisser li tispiċċa fuq il-lista l-griża?

 

  • L-investiment f’Malta jsir aktar diffiċli
  • Kummerċ ma’ pajjiżi bid-dollaru jsir diffiċli ħafna
  • Aktar skrutinju għal kull kumpanija li tagħmel negozji f’Malta

More in Politika