Filmat | 'Din hija s-siegħa tal-prova ... għandna ningħaqdu biex ngħaddu messaġġ wieħed'

Il-Ministru Clayde Caruana appella lil kull min għandu xi forma ta' influwenza biex jaħdem sabiex jikkonvinċi lill-FATF li Malta ma għandhiex tispiċċa fuq il-lista l-griża

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li Malta se tkompli taħdem sal-aħħar biex tikseb riżultat pożittiv hekk kif nhar il-Erbgħa, l-FATF (Financial Action Task Force) se jkun qed jiddeċiedi jekk Malta hux se tispiċċa fuq il-lifts l-griża jew le.

Mistoqsi mill-ġurnalisti ta' MaltaToday ftit ħin qabel bdiet laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru Caruana saħaq li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jipperswadi lil kulħadd li Malta ħadmet kemm felħet biex timplimenta r-rakkondazzjonijiet li sarulha.

"Qed naħdmu bis-sħiħ biex nhar l-Erbgħa niksbu r-riżultat li pajjiżna vera jixraqlu. Illum għandna numru ta' telefonati li huma skedati, biex nipperswadi li tul dawn l-aħħar sena u nofs, il-pajjiż għamel dak kollu li ġie mitlub jagħmel," insista l-Ministru.

Qal ukoll li f'dan il-mument, kull persuna li għandha influwenza, għandha tiġbed ħabel wieħed mal-Gvern, irrelevanti mill-alleanzi politiċi.

"Din hija s-siegħa tal-prova għal dan il-pajjiż, biex kull min għandu xi forma ta' influwenza, jingħaqad biex ngħaddu messaġġ wieħed. Hemm bżonn inkunu ponn wieħed biex nikkonvinċu li l-pajjiż jixraqlu jgħaddu minn dan it-test," saħaq il-Ministru.

Mistoqsi jekk 48 siegħa humiex biżżejjed għal dan il-għan, il-Ministru saħaq li Malta se tibqa' tipperswadi li l-ħidma tal-Gvern mhux se tieqaf hawn imma se tkompli għaddejja, bl-istess impenn, fix-xhur li ġejjin.

"Mhijiex kwistjoni li ngħaddu mill-eżami u daqshekk. Irridu nkomplu naħdmu biex nassiguraw li nħarsu r-reputazzjoni tagħna," temm jisħaq il-Ministru.

Aqra wkoll:

More in Politika