Abela jiddefendi l-kummenti tiegħu, jgħid li ż-żmien qed jimmina l-ġudikatura mhux hu

Jitkellem f'Birżebbuġa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu m'attakka lil ħadd, iżda ż-żmien tal-konklużjoni tar-rapport jimmina l-ġudikatura waħdu 

(Ritratt: Partit Laburista)
(Ritratt: Partit Laburista)

Il-Prim Ministru Robert Abela iddefenda kummenti li huwa għamel fil-jiem li għaddew, fid-dawl tal-aħħar rivelazzjonijiet fil-kawża tal-qorti imressqa mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Deskritti minn bosta, speċjalment fil-kamp tal-Partit Nazzjoanlista u tal-NGO Repubblika, bħala “attakk fuq il-ġudikatura,” il-kummenti kienu jiddubitaw iż-żmien li fih l-inkjesta tal-vitals ġiet konkluża.

Il-ġimgħa li għaddiet ġiet konkluża inkjesta maġisterjali dwar il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals Global Healthcare u għaddiet lill-Avukat Ġenerali (AG) għal aktar azzjoni. Il-konklużjoni tagħha ħabtet mal-ftuħ tal-kandidatura elettorali.

Jikkumenta dwar dan, Abela kien sostna li hi pjruttost stramba kif wara erbgħa snin u nofs, l-inkjesta Vitals sabet tmiemha propju fl-istess ġurnata li nfetħu l-applikazzjonijiet għal kandidati tal-elezzjoni li ġejja.

Jitkellem f’intervista il-Ħamis filgħaxija f’Birżebbuġa, Abela insista li hu mhux jimmina l-ġudikatura, iżda ż-żmien tal-konklużjoni tar-rapport jimmina l-ġudikatura waħdu.

Huwa ddeskriva iż-żmien li fih l-inkejsta ġiet konkluża bħala “suspettuż.”

“Jiena smajt fil-kurituri tal-qorti li membri tal-ġudikatura huma ddiżappuntati bl-indħil politiku,” Abela qal.

Abela qal li tliet xhur ilu kellu indikazzjoni ċara li l-konklużjoni tal-inkjesta kienet se tintuża biex tikkundizzjona l-kalendarju elettorali, partikolarment ir-riżultat.

“Dak li għedt tliet xhur ilu ġara dakinhar tal-kampanja elettorali. Inħalli lill-pubbliku jiddeċiedi jekk l-għażla tal-ġurnata ntużatx biex jintbagħat messaġġ.”

Sostna ukoll li l-‘establishment’ qed jipprova jiddestabilizza lil Malta.

"Ċertament mhux se nħallihom jużaw proċess ġudizzjarju biex jiddestabilizzaw il-pajjiż," temm jgħid.

More in Politika