FILMAT: Abela jgħid li mhux se jaċċetta riżenji ta’ membri tal-Kabinett jekk ma jemminx li vera naqsu

Il-kumment tal-Prim Ministru Robert Abela ġie wara li l-ILLUM irraportat kif d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal lill-Grupp Parlamentari Laburista li huwa lest jirriżenja jekk jiġi mitlub

@illum_mt Abela jgħid li mhux se jaċċetta riżenji ta’ membri tal-Kabinett jekk ma jemminx li vera naqsu. Il-kumment tal-Prim Ministru Robert Abela ġie wara li l-ILLUM irraportat kif d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal lill-Grupp Parlamentari Laburista li huwa lest jirriżenja jekk jiġi mitlub. Aqra aktar fuq www.illum.com.mt #partitlaburista #politika #maltatiktok #fypmalta #robertabela ♬ original sound - ILLUM

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux se jaċċetta riżenji minn membri tal-Kabinett, imsemmija fil-kawża tal-Vitals, jekk jemmen li l-allegazzjonijiet kontrijhom m’għandhomx bażi.

“Jekk jiena ma nkunx konvint illi persuna verament naqset... allura jekk tiġi mogħtija lili xi offerta ta’ riżenja, le mhux se nkun qed naċċetta,” Abela qal l-Ġimgħa filgħodu.

Il-kummenti saru wara li l-ILLUM irraportat kif id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal lill-kolleggi tiegħu fil-Grupp Parlamentari Laburista li huwa lest jirriżenja jekk jiġi mitlub.

Skont sorsi, b’dieqa, Chris Fearne qal li semgħa kif ismu qed jidher fil-konklużjonijiet tal-Inkjesta Vitals. Minħabba f’hekk hu lest li jirriżenja, jekk hu jiġi mitlub.

“Jekk kriterji li huma fid-diskrezzjoni tiegħi, jekk dawk id-domandi li poġġejt għal konsum tal-midja u tal-pubbliku illum ma jagħtux fiha s-serħan tal-moħħ illi persuna ġiet rakkomandat sabiex titressaq il-qorti għal raġunijiet li huma oġġettivi u mhux għanijiet oħra... le mhux se nkun qed naċċetta,” Abela qal.

Il-Prim Ministru kien qed jagħti kummenti lilll-midja wara l-kawża, miftuħa mill-Partit Nazzjonalista, reġgħet ġiet differita għal darba oħra.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Toni Abela, kellha tkompli tisma’ l-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.

Kontra x-xewqa tal-PN, fiha qed jintervjenu l-Gvern u l-Kabinett fuq talba li saret fl-aħħar xhur.

Tkompli dalgħodu, is-seduta ntalbet tiġi differita, talba li l-PN oġġezzjona minħabba l-bżonn “li dawn il-miljuni ta’ ewro jinġiebu lura immedjatament.”

More in Politika