Muscat iwieġeb dwar il-pakkett finanzjarju li ħa wara li rriżenja; Jisħaq li Gonzi u RCC ħadu aktar minnu

Muscat insista li f'dan kollu ma hemm xejn sigriet għax hu għamel d-Dikjarazzjoni tal-Assi bħal kull Membru Parlamentari ieħor

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat irreaġixxa għal storja ppubblikata fuq The Shift News dwar il-pakkett finanzjarju li rċieva wara li rriżenja minn Prim Ministru.

Muscat fakkar li dan il-kumpens inħoloq minn Gvern Nazzjonalista u jikkwalifika għalih kull Prim Ministru kull membru tal-Kabinett u kull Kap tal-Oppożizzjoni, li ma jibqax jokkupa din il-kariga.

Insista li The Shift News ma ppubblikawx kollox. Saħaq li hu ngħata €120,128.40 f'darba u rrinunzja għal transitional allowances oħra għaż-żmien li għamel bħala Prim Ministru u Kap tal-Oppożizzjoni bejn 2008 u 2020.

"Fuqhom inqatgħuli €41,633 taxxa u għalhekk il-bilanċ hu ta' €78,495.40," insista Muscat.

Insista li l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ingħata €72,901.65 u transitional allowance ta' €8,737.30 għal total ta' €81,638.

Qal ukoll li għal erba' snin Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil ħa €23,371.

"Is-Sur Richard Cachia Caruana, ufficjal ta' fiducja u mhux elett, ingħata €179,931.34 tax free, jiġifieri li fuqhom ma nqatgħet l-ebda taxxa. Magħhom ingħata €36,453.25 bħala notice wara li ġie sfiducjat mill-Parlament u €39,549.28 għal dak li ssejjaħ bħala leave li qatt ma ħa, għal total ta’ €255,933.87," kiteb Muscat fuq Facebook.

Dwar il-fatt li baqa' jitħallas il-paga ta' Deputat sakemm irriżenja, Muscat qal li l-istess għamlu Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.

"Ma hemm xejn sigriet f'dan kollu, tant li għamilt id-Dikjarazzjoni tal-Assi tiegħi bħala Membru Parlamentari minkejja li m'għadnix Membru," insista Muscat.

More in Politika